Tuesday, April 30, 2024

Jitnieda l-kalendarju ta’ attivitajiet għas-sajf u l-ħarifa ta’ Heritage Malta

Aqra wkoll

Tnieda l-kalendarju ta’ attivitajiet li Heritage Malta se tkun qed torganizza matul it-tieni nofs tas-sena 2023, b’enfasi kbira fuq avvenimenti u esperjenzi li se jitgawdew minn nies ta’ kull età. Tħabbru wkoll l-attivitajiet għall-Programm tas-Sajf tal-Passaport tal-Istudenti.

Dawn id-dettalji ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir- Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-kalendarju ta’ Heritage Malta għas-sajf u l-ħarifa huwa mmirat għall- pubbliku inġenerali, b’total ta’ 52 attività li jvarjaw minn esperjenzi ta’ tagħlim sa wirjiet. Huwa faħħar b’mod partikolari l-Programm tas-Sajf tal-Passaport tal-Istudenti, fejn qal li dan jinkludi bosta attivitajiet interattivi għat- tfal ta’ kull età.

“Din is-sena t-temi tal-attivitajiet f’dan il-programm huma kollha marbutin b’xi mod jew ieħor mal-istorja naturali, u dan peress li s-sena 2023 tfakkar il-50 anniversarju mill-ftuħ tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, li hu popolari ħafna fost it-tfal. Dan il-programm għandu l-għan ukoll li jżid l-aċċessibbiltà għall-wirt kulturali fost it-tfal u l-adolexxenti matul il-vaganzi tas-sajf,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li matul il-vaganzi tas-sajf, l-istudenti jibqgħu attivi, filwaqt li jgawdu wkoll ħin ta’ mistrieħ mistħoqq wara sena akkademika.

“Huwa importanti li l-istudenti jsibu ħin għal kollox, anki għall-attivitajiet bħal dawn, li filwaqt li huma attivitajiet li jkabbru l-għarfien, huma attivitajiet interattivi li fihom l-istudent jista’ jipparteċipa b’mod dirett. L-istudenti u l-adulti li se jakkumpanjawhom f’dawn l-attivitajiet żgur se jsibu xi ħaġa li tqanqal l-interess tagħhom, tixprunahom biex jgħinu fil-preservazzjoni tad-dinja naturali, u ssaħħaħ l-imħabba tagħhom għat-tagħlim fl- ambjent ta’ mużew, filwaqt li jkunu wkoll qed jitgħallmu,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Min-naħa tagħha, Vanessa Ciantar, Assistant Manager ta’ Heritage Malta għall-Edukazzjoni u Avvenimenti Tematiċi, tat tagħrif dwar il-Programm tas-Sajf tal-Passaport tal-Istudenti għal din is-sena. Hija qalet li l- programm hu mmirat biex jolqot il-gosti ta’ studenti ta’ kull età.

Sport