Wednesday, April 24, 2024

“M’intix waħdek. Li tfittex l-għajnuna mhix dgħjufija. Aħna hawn għalik”

Aktar minn 3,000 persuna fis-sena jfittxu l-għajnuna ta' Aġenzija Sedqa

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Li persuna tfittex l-għajnuna mhix sinjal ta’ dgħjufija imma huwa wieħed mill-akbar investiment li tista’ tagħmel kemm għaliha kif ukoll għan-nies ta’ madwarha.

Huwa dan il-prinċipju li tħaddan l-Aġenzija Sedqa, liema Aġenzija matul is-snin żviluppat is-servizzi tagħha f’sintonija ma’ dak li kontinwament jevolvi fix-xena tal-abbuż tas-sustanzi u dipendenzi oħrajn.

Fil-preżent, Sedqa toffri kwantità ta’ servizzi multidixxiplinarji relatati ma’ kull tip ta’ vizzjijiet u dipendenzi. F’dawn l-aħħar snin, madwar 3,000 persuna fis-sena fittxew l-għajnuna ta’ Sedqa biex jegħlbu xi vizzju.Dwar dan, Maria Azzopardi tkellmet mad-Direttur ta’ Sedqa Charles Scerri u ċ-Ċerpersin Kliniku Dr Anna Maria Vella.

Qabel xejn, meta wieħed jista’ jgħid li għandu dipendenza?

Dr Anna: Ġeneralment dipendenza tiġi wara l-vizzju (addiction) u teżisti f’każ ta’ abbuż minn sustanzi kif ukoll dawk li jissejħu behavioural addictions, bħal meta wieħed ikollu l-vizzju tal-logħob. Għall-bidu jkun hemm l-element li qed tagħmel xi ħaġa li tagħtik pjaċir u għalhekk terġa’ tagħmilha.

Iżda meta l-vizzju jidħol fil-fond u jsir dipendenza jitlaq dak il-pjaċir u mbagħad mingħajr dik il-ħaġa, il-persuna se tħossha ħażin għax tħoss in-nuqqas tagħha.
Fl-2019 is-servizzi residenzjali tal-Aġenzija Sedqa ġew integrati fi programm wieħed bl-isem ta’ Komunità Santa Marija.

Min jista’ jibbenefika minn dan il-programm u x’għajnuna tingħata?

Charles: Kull min jagħmel kuntatt magħna jista’ jibbenefika. L-ewwel pass jibda mill-Addictions Community Team fejn isir assessjar inizjali tas-sitwazzjoni tal-persuna li qiegħda titlob l-għajnuna. Wara ssir sessjoni fejn tabib, psikologu u ħaddiema soċjali flimkien ifasslu pjan ta’ kura għal dik il-persuna.

Il-persuna tista’ tidħol f’Komunità Santa Marija ladarba tgħaddi minn kumitat li jassessja t-talba li tkun saret. Fejn qabel kellna persuna waħda li tiddeċiedi jekk persuna tidħolx jew le, illum għandna kumitat. B’hekk nassiguraw li d-deċiżjoni tkun iktar ħolistika, objettiva u multi-dixxiplinarja.

Fir-residenza l-persuna titgħallem taħdem kemm fuq in-neċessitajiet u l-bżonnijiet tagħha kif ukoll tikseb il-ħiliet biex tgħix f’komunità filwaqt li jitgħallmu ċerti ħiliet li sfortunatament jistgħu jkunu tilfu l-opportunità li jitgħallmuhom minħabba l-vizzju nnifsu.

Dr Anna: Illum nafu li ħadd ma jieħu sustanza waħda iżda jkun hemm abbuż ta’ sustanzi differenti. Għaldaqstant meta qabel kellna l-programm tal-alkoħol u tad-drogi separati, kien diffiċli tifhem liema tim se jieħu ħsieb. Illum il-ġurnata qed nindunaw li hija kwistjoni ta’ addiction u għalhekk l-evidenza turi li għandna nikkonċentraw fuq il-problema u mhux is-sustanza.

F’Malta għandna tliet programmi li huma bbażati fuq prinċipji differenti. Tagħna jibbaża fuq il-ħajja komunitarja. Ħafna drabi l-vizzju jiżola lill-persuna u għaldaqstant huwa sabiħ li f’din ir-residenza jitgħallmu mill-ġdid kif jgħixu f’komunità. Fil-fatt qed insibu persuni li jlestu l-programm u jitolbu l-after care u minn hemm tinduna kemm ibbażaw il-fejqan tagħhom fuq dan l-element.

Charles: Qed joħroġ ħafna ġid mill-programm. Bħala eżempju għandna resident li temm il-programm u kuljum jiġi lura fil-Komunità biex jitkellem mar-residenti u jgħinhom. Grazzi għas-sens ta’ appartenenza li rabba fl-istess residenza, għadu jħoss li jrid jibqa’ jagħti lura regolarment. Dan huwa verament l-isbaħ xempju tal-ispirtu ta’ komunità f’Santa Marija.

B’rabta ma’ dan il-programm, il-FSWS kellha diversi stejjer ta’ suċċess. Fil-fatt illum se ssir il-gradwazzjoni ta’ wħud minn dawk il-persuni li temmew b’suċċess dan il-programm. Xi jfisser għalikom dan il-fatt?

Dr Anna: Meta tara persuna timxi minn fażi għall-oħra u tasal għall-fażi finali, tkun qisek qed terġa’ twelled il-persuna mill-ġdid. Meta jiggradwaw mill-programm id-differenza tkun kbira, kemm fil-karattru, fl-attitudni u kif iħarsu lejna u lejn ħaddieħor. Apparti minn bidla fl-apparenza, tinduna li dik it-tensjoni u r-rabja li kellhom qabel issa naqset għax ikunu ħadmu ħafna kif għandhom jindirizzawhom.

Fir-residenza għandna terapisti full time. Kull min jidħol fil-Komunità Santa Marija se jidħol bid-difetti u l-problemi tiegħu. Għaldaqstant it-terapisti huma essenzjali biex jgħinu lir-residenti jitgħallmu l-ħiliet neċessarji ħalli jindirizzaw dawn il-problemi.

Illum qed jiggradwaw bil-methadone u dan juri li għalina ma jfissirx għax persuna qed tieħu l-mediċini allura ma tistax tiggradwa, però ma naċċettawx li xi ħadd li m’għamilx il-programm residenzjali jiggradwa.

Charles: Il-programm residenzjali tagħna huwa l-itwal wieħed f’Malta u għaldaqstant li persuna tinqata’ litteralment minn kollox u minn kulħadd, hija sfida u għalhekk meta jiggradwaw mill-programm ikollhom rikonoxximent ferm ikbar. Dakinhar tal-gradwazzjoni ninnutaw li l-ferħ ma jesperjenzahx biss ir-resident, iżda anke l-qraba għaliex huma wkoll jaraw bidla fil-persuna.
Il-qraba wkoll ikunu rċevew l-għajnuna.

Fil-fatt għandna żewġ terapisti tal-familja full time li jaħdmu mas-sistema kollha tal-klijent għax inutli persuna tagħmel il-programm imma barra jkun għad hemm l-istess problema li possibilment kienet waħda mill-fatturi ewlenin li wasslet lill-persuna biex tibda tabbuża minn xi sustanza. Nistgħu ngħidu li l-familja kollha tiggradwa.

X’servizzi oħrajn toffri Aġenzija Sedqa?

Dr Anna: Ħaġa sabiħa li għandna hija li mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8:00a.m. sal-4:00p.m. inti għandek bieb fejn tista’ tħabbat u ssib professjonist li se jisimgħek. Tista’ tkun il-persuna li qed tuża’ d-droga imma jistgħu jkunu l-familja jew il-ħbieb li jkunu inkwetati. Dejjem se ssib lil xi ħadd li jisimgħek.

Sedqa toffri wkoll l-unika servizz ta’ tobba u infermiera fil-pajjiż kollu. Hawnhekk tidħol il-kura medika tal-pazjenti kollha minkejja li l-persuna tkun tixtieq tmur programm ta’ xi aġenziji oħrajn, xorta waħda ġejja għandna u aħna se nibqgħu nsegwuha meta tidħol fil-programm.

Fejn jidħol l-aspett kliniku, għandna wkoll psikjatri li jiġu darbtejn fil-ġimgħa u għandna spiżerija fejn tagħti l-mediċini sa tliet darbiet fil-ġimgħa. Hemm min jeħodhom kuljum ukoll.

Charles: L-Aġenzija Sedqa hija l-aġenzija nazzjonali li toffri wkoll l-akbar serje ta’ programmi ta’ prevenzjoni u saħansitra nirċievu diversi rikonoxximenti minn barra minn Malta fejn jidħol dan l-aspett. Nemmnu li l-prevenzjoni għandha tibda minn età bikrija. Fil-fatt fl-iskejjel ikollna rispons tajjeb ħafna fejn hawnhekk noffru tliet programmi li huma: T.F.A.L 3, T.F.A.L 5 u Teen Outside the Box. Isiru wkoll diversi interventi f’istituzzjonijiet post-sekondarji bħalma huma l-Università, l-MCAST, Higher Secondary u l-ITS.

Iżda ma waqafniex biss fl-iskejjel tant li noffru wkoll programm ta’ prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol li jissejjaħ Substance Abuse Free Employee (S.A.F.E.). F’dawn l-aħħar sentejn ‘il fuq minn 50 kumpanija għamlu l-programm S.A.F.E. Dawn ir-riżultati jagħtuna aktar kuraġġ biex inkomplu ninvestu fil-prevenzjoni.

Għal min għandu d-dipendenza ta’ sustanza, nafu li hemm l-SMOPU, magħruf aktar bħala d-Detox. X’inhu l-għan prinċipali tiegħu u madwar kemm il-doża ta’ methadone titqassam?

Dr Anna: L-SMOPU m’għadux post fejn ġejt, ħadt il-methadone u tlaqt. Għandna klinika speċjalizzata u llum il-ġurnata qed nitrattaw kull tip ta’ vizzji, inkluż dak tal-eroina, kokaina, kannabis u alkoħol. Jiġu wkoll persuni li għandhom behaviour addictions bħal problemi ta’ gaming u l-vizzju tal-logħob.

Nikkalkulaw li hemm bejn 400-500 pazjent li jieħdu l-methadone. Hemm min jeħodha kuljum u hemm min jeħodha darba fil-ġimgħa. Bħalissa fl-SMOPU qegħdin tliet tobba kollha speċjalizzati f’settur. Jiena nieħu ħsieb in-nisa tqal bi problema ta’ sustanzi.

Dan is-suġġett huwa ferm għal qalbi u fil-fatt riċentament talbuni biex nikteb il-linji gwida tal-Ewropa. Dan huwa rikonoxximent kbir mhux biss għalija personalment iżda anke għall-Aġenzija.

Dr Moses Camilleri jieħu ħsieb il-mard infettiv. Tajjeb nirrikonoxxu li għaddejja ħidma mill-Gvern fejn qed jingħata trattament b’xejn li jiswa ħafna flus biex infejqu totalment l-Epatite Ċ.

Ninsabu f’negozjati mal-Infective Diseases Unit ta’ Mater Dei biex il-pazjenti kważi kważi m’hemmx għalfejn imorru Mater Dei imma nsegwuhom kompletament aħna.

It-tabib l-ieħor huwa Dr Gianluca Bezzina li se jibda proġett interessanti ġdid – Young Adolescents. L-addoloxxenti mhumiex minjatura tal-adulti imma għandu jkun hemm approċċ kompletament differenti u flimkien mad-Direttorat għall-Kura Alternattiva se nippruvaw noħolqu dan it-tim fejn fost l-oħrajn se ndaħħlu l-aspett tal-prevenzjoni u l-out reach.

Persuna dipendenti minn xi sustanza, bħal pereżempju l-alkoħol, tista’ tieqaf kompletament weħidha jew hemm xi riskji marbutin ma’ dan il-fatt?
Dr Anna: Meta wieħed ikun qed jieħu ammonti kbar ta’ alkoħol, m’għandux jaqbad u jieqaf waħdu. Ma nippruvawx nagħmlu l-affarijiet weħidna.

Dawn huma sitwazzjonijiet fejn hemm bżonn kura medika speċjalizzata. Importanti li dawn l-affarijiet jittieħdu b’serjetà kbira speċjalment fejn jidħol l-alkoħol għax din hija emerġenza medika u għaldaqstant wieħed għandu jfittex l-għajnuna. Tiddejqux tfittxuha għax forsi taħsbu li jsir jaf ħaddieħor. Għalina l-kunfidenzjalità hija prijorità assoluta.

Kif nafu s-soċjetà dejjem tiżviluppa u sfortunatament matul dan il-proċess jinħolqu wkoll vizzji ġodda. X’vizzji ġodda qed tiltaqgħu jew iltqajtu magħhom tul dawn l-aħħar ħames snin bħala Sedqa?

Dr Anna: Bħala vizzji ġodda hemm dawk marbutin mal-behavioural addictions li jinkludu l-użu tal-internet b’mod eċċessiv, gaming, logħob tal-azzard, pornografija u online shopping u nnutajna li bil-pandemija tal-Covid-19 dawn ġew amplifikati ħafna iktar. Fil-fatt għadni nara nies li jgħidu li minħabba l-Covid waqgħu f’xi vizzju.

Li ġara waqt il-Covid kien li l-persuni sabu ruħhom aktar weħidhom u waqgħu fil-vizzji. Sfortunatament kien hemm anke min kien waqaf jieħu ċertu sustanzi, iżda reġa’ waqa’ għalihom.

Bħala sustanzi, l-eroina baqgħet stabbli f’dawn l-aħħar tmien snin però l-kokaina, il-kannabis u l-alkoħol żdiedu ħafna.

X’inhi s-sustanza li wieħed jabbuża l-aktar minnha?

Charles: L-alkoħol. Ma ninsewx ukoll il-kwistjonijiet marbuta mal-polydrug use li żdiedu wkoll matul is-snin. Illum il-professjonisti li jaħdmu fi ħdan l-Addictions Community Team (ACT) jinnotaw li persuna rari tmur għandhom u tirraporta użu minn sustanza waħda biss.

Li tfittex l-għajnuna qatt mhi dgħjufija imma sinjal ta’ kuraġġ kbir. Qegħdin hawn għalik biex nagħtuk kull għajnuna possibbli u mhux biex niġġudikawk. Jekk il-persuna għadha mhix tirrikonoxxi l-fatt li għandha tagħmel dak il-pass ‘il quddiem, it-traġitt se jkun diffiċli ħafna imma ladarba tiddeċiedi li għandha bżonn l-għajnuna se ssibha.

Li persuna tfittex l-għajnuna huwa investiment kbir mhux biss għaliha imma anke għal ta’ madwarha. Għandna sistema ta’ intake fejn persuna tista’ tiġi fl-uffiċċji tagħna li jinsabu fi 3, Triq Braille, Santa Venera mingħajr appuntament. Tista’ ċċempel ukoll fuq 23885110 għal appuntament jew issibna fuq Facebook u Instagram – Sedqa Malta.

Sport