Ittella’ b’suċċess il-Kunċert tal-Indipendenza s-Sibt 21 ta’ Settembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
Dan il-kunċert ġie mtella’ fl-okkażjoni tas-sittin sena anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta fl-1964, mument storiku mill-aktar importanti fil-ġrajja ta’ Malta.
Quddiem sala mimlija, u ppresedut mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, ġie ppreżentat programm speċjali mill-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Michael Laus u l-parteċipazzjoni tal-mezzo sopran Marvic Monreal, b’xogħlijiet tal-kompożituri Ludwig Van Beethoven, Georges Bizet, Charles Camilleri, u Alexander Vella Gregory.
Il-kunċert kien miftuħ għall-pubbliku mingħajr ħlas sabiex ukoll ikun aċċessibbli għall-familji kollha Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk, il-kunċert ġie mxandar fuq l-istazzjoni nazzjonali fl-istess lejla.
Minbarra dan il-kunċert u ċ-ċerimonja uffiċċjali, din is-sena Jum l-Indipendenza ġie mfakkar ukoll permezz ta’ dokumentarju ġdid li ġie mxandar fuq l-istazzjon nazzjonali li ta’ ħarsa lejn il-ġrajjiet tal-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna, kif ukoll intwera l-filmat ta’ Jum l-Indipendenza fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali li kien parti minn kampanja edukattiva mtella’ minn Festivals Malta dwar il-festi nazzjonali.
Il-kunċert ġie mtella’ minn Festivals Malta għan-nom tal-Kumitat Festi Nazzjonali, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjoni, l-Arti u l-Gvern Lokali.