Thursday, February 20, 2025

Jittella’ l-workshop ‘Horizon Europe Missions: Empowering Local Communities’

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli u rappreżentanti minn Xjenza Malta indirizzaw il-workshop intitolat “Horizon Europe Missions: Empowering Local Communities”, li sar f’Villa Bighi.​​

Dan l-avveniment, li kien indirizzat għall-Kunsilli Lokali, ipprovda ħarsa dettaljata lejn l-opportunitajiet fi ħdan Horizon Europe li jistgħu japplikaw għalihom il-Kunsilli Lokali, b’enfasi fuq il-ħames Missjonijiet tal-UE li għandhom l-għan jindirizzaw l-isfidi globali fl-oqsma tas-saħħa, il-klima, l-ibliet, l-ambjent u s-soċjetà.

Dawn il-Missjonijiet, li huma mfassla biex irawmu soluzzjonijiet innovattivi allinjati mal-miri fit-tul tal-UE, jinkludu miri għall-adattament għat-tibdil fil-klima, riċerka dwar il-kanċer, oċeani sostenibbli, bliet intelliġenti, u ħamrija b’saħħitha. Permezz ta’ workshops bħal dawn, l-entitajiet Maltin inkluż il-Kunsilli Lokali huma mħeġġa japplikaw sa 100% tal-fondi biex jikkontribwixxu għal dawn il-Missjonijiet.

Horizon Europe, il-programm ewlieni ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, għandu baġit ta’ aktar minn €93 biljun għall-2021–2027. Xjenza Malta, bħala n-National Contact Point ta’ Malta għal Horizon Europe, toffri għajnuna monetarja biex tisfrutta dawn l-opportunitajiet permezz ta’ skemi ta’ appoġġ ta’ Horizon Europe, kif ukoll toffri gwida u appoġġ lill-partijiet interessati biex tgħinhom japplikaw għall-opportunitajiet ta’ finanzjament bħal dawn.

Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nnota l-irwol kruċjali tal-Kunsilli Lokali fit-trawwim tal-innovazzjoni fil-komunitajiet tagħna. “Il-Kunsilli Lokali huma integrali fit-twassil tal-innovazzjoni fil-livell komunitarju u jiżguraw is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva. “Dan l-avveniment huwa pass ewlieni fit-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali tagħna biex jinvolvu ruħhom ma’ Horizon Europe u jsaħħu l-potenzjal kbir għall-bidla soċjali pożittiva permezz ta’ dawn il-Missjonijiet.”

Matul l-avveniment, il-parteċipanti esploraw il-mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ Horizon Europe permezz ta’ eżerċizzji interattivi fi gruppi, Citizen Science Initiatives, u dimostrazzjoni diretta tal-Portal ta’ Fondi u Offerti, li jgħinu biex jiggwidaw il-proċess ta’ applikazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport