Friday, November 15, 2024

Jiżdiedu l-istudenti f’istituzzjonijiet postsekondarji u terzjarji

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-istudenti rreġistrati f’istituzzjonijiet postsekondarji u terzjarji waqt is-sena akkademika 2020-2021 żdiedu b’3.3% fuq is-sena akkademika ta’ qabel, biex laħħqu s-27,944.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-istudenti f’sixth forms u f’istituzzjonijiet oħra postsekondarju kienu jammontaw għal 9,608 fis-sena akkademika 2020-2021. Dan kien ifisser tnaqqis ta’ 0.1% fuq is-sena akkademika preċedenti. 

L-akbar ammont ta’ student postsekondarji (88.4%) kellhom 19-il sena jew inqas. L-istudenti barranin f’dawn l-istituzzjonijiet kienu jammontaw għal 1,150, jew 12% tat-total tal-istudenti rreġistrati fil-livell postsekondarju.

L-akbar qasam ta’ studju fost studenti li jsegwu suġġetti vokazzjonali kien is-“servizzi” segwit mill-inġinerija, manifattura u l-kostruzzjoni u n-negozju, l-amministrazzjoni u l-liġi.

Fil-livell terzjarju kien hemm reġistrati 18,336 student waqt is-sena akkademika 2020-2021, li jfisser żieda ta’ 5.2% meta mqabbel mas-sena akkademika 2019-2020. L-istudenti nisa kienu jammontaw għal 59.1%.

L-istatistika turi li l-akbar għadd ta’ studenti terzjarji segwew korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat jew ekwivalenti, segwiti minn korsijiet f’livell ta’ Masters. Il-maġġorparti ta’ dawn l-istudenti kellhom bejn 20 u 24 sena. L-istudenti barranin kienu jlaħħqu t-3,233.

Ekonomija

Sport