Sunday, December 22, 2024

Jiżdiedu l-Maltin li siefru s-sena li għaddiet

… l-Italja tibqa’ l-aktar destinazzjoni popolari

Aqra wkoll

Matul is-sena 2022, il-Maltin li siefru kienu jammontaw għal 601,701, li jfisser żieda ta’ 298,634 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. It-total ta’ ljieli li l-Maltin qattgħu barra l-pajjiż is-sena l-oħra kienu jaqbżu l-4.2 miljun lejl, bin-nefqa totali kienet tlaħħaq il-€517.5 miljun.

Dan joħroġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li turi wkoll kif fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, il-Maltin li siefru kienu jammontaw għal 180,215, filwaqt li t-total ta’ ljieli mqattgħin minnhom kienu jammontaw għal 1,214,296.

Bejn Ottubru u Diċembru, kien hemm 109,979 Malti li siefer fuq btala, mentri kien hemm 45,856 oħra li siefru biex iżuru lill-familjari tagħhom jew lil sħabhom. L-aktar li siefru f’dan il-perjodu kellhom bejn il-25 u l-44 sena segwiti minn dawk fl-età bejn il-45 u l-64 sena.

L-aktar destinazzjoni popolari mal-Maltin baqgħet l-Italja. L-infiq totali tal-Maltin fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet kien jaqbeż il-€158.7 miljun, ekwivalenti għal medja ta’ €881 kull persuna.

Ekonomija

Sport