Sunday, December 22, 2024

Jiżdiedu l-vittmi u dawk midruba fi splużjonijiet fl-Afganistan

Aqra wkoll

Mill-inqas 90 persuna issa huma maħsuba li mietu filwaqt li ndarbu aktar minn 150 persuna wara li seħħ l-attakk terroristiku fl-ajruport Hamid Karzai f’Kabul il-Ħamis wara nofsinhar.

Minn dalgħodu, komplew l-isforzi ta’ evakwazzjoni, b’dawk evakwati jidhru jitilgħu fuq l-ajruplani.

Eluf ta’ refuġjati waslu fil-bażi Amerikana f’Ramstein fil-Ġermanja.

Dawn ir-refuġjati se jinżammu temporanjament fil-bażi tal-ajru, fejn jitħallew joqogħdu sa għaxart ijiem hekk kif jistennew titjira lejn art oħra. 

Wara l-attakki qattiela tal-bieraħ fl-ajruport ta’ Kabul u fil-viċinanzi tiegħu, uħud minn nies bdew ifittxu lill-maħbubin tagħhom li sfortunatament ma setgħux jinstabu. Fost l-appelli li saru, ġurnalist Afgan ippubblika ritratti ta’ żewġt itfal li ma nstabux wara li seħħew dawn l-attakki. Il-ġurnalist tkellem ma’ membri tal-familja li qalu l waħda mill-ommijiet ta’ dawn iż-żewġt itfal mietet fl-isplużjoni fl-ajruport.

It-tobba u l-infermiera f’Kabul ħadmu matul il-lejl biex jikkuraw lil uħud mill-150 persuna midruba fl-attakk.

Iċ-Ċentru Kirurġiku ta’ Kabul qal li rċieva 60 persuna midruba f’inqas minn sagħtejn, inklużi mill-inqas 16-il persuna ddikjarati mejta mal-wasla tagħhom.

Ritratt: GettyImages

Ekonomija

Sport