Sunday, December 22, 2024

Aġġornat: L-inċident ta’ dalgħodu ma kienx minħabba nar iżda ħsara teknika

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li dalgħodu l-kumpanija Gozo Fast Ferry qalet li kien żviluppa ħruq żgħir fuq wieħed mill-bastimenti tagħha, illejla hija ħarġet stqarrija fejn spjegat x’irriżulta minn reviżjoni preliminari.

Il-kumpanija qalet li din stabbiliet li l-inċident li seħħ dalgħodu abbord wieħed mill-bastimenti tagħha ma kienx minħabba nar, iżda minħabba ħsara teknika li żviluppat fis-sistema li twaqqaf in-nar abbord.

Il-kumpanija spjegat li d-duħħan abjad deher ħiereġ hekk kif il-bastiment  kien se jitlaq mill-Port tal-Imġarr biex iwettaq il-vjaġġ tat-7.45am. 

Il-kaptan segwa l-proċeduri kollha u beda evakwazzjoni prekawzjonarja biex jiżgura s-sigurtà tal-passiġġieri kollha abbord.

Il-kumpanija rringrazzjat lil dawk kollha abbord talli segwew il-parir tal-ekwipaġġ tagħha u għenu biex jiffaċilitaw evakwazzjoni kalma u ordnata.

Kelliem għall-kumpanija qal li l-kawża ġiet identifikata u l-bastiment mistenni jerġa’ jkun fis-servizz fil-jiem li ġejjin.

Il-kumpanija skużat ruħha għal kull inkonvenjent ikkawżat u rringrazzjat lill-awtoritajiet rispettivi għar-rispons immedjat u l-assistenza tagħhom.

L-iskeda aġġornata tal-vjaġġi tal-Gozo Fast Ferry matul il-jiem li ġejjin hija disponibbli online www.gozofastferry.com. 

Aktar qabel…

Dalgħodu żviluppa ħruq żgħir fuq bastiment operat minn Gozo Fast Ferry ftit wara li telaq minn Għawdex għall-ħabta tas-7.45a.m.

Il-kumpanija Gozo Fast Ferry qalet li l-passiġġieri kollha abbord tniżżlu b’mod siguri u ġew segwiti l-proċeduri kollha ta’ sigurtà. Hija qalet ukoll li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u li għaddejja investigazzjoni interna biex tiddetermina l-kawża tan-nirien.

Il-kumpanija skużat ruħha għal kull inkonvenjent u rringrazzjat lill-awtoritajiet għar-rispons immedjat u l-assistenza provduta.

Skeda aġġornata tal-vjaġġi tal-lum ttellgħet online fuq www.gozofastferry.com.

Ritratti: Joe Grech

Ekonomija

Sport