Wednesday, April 15, 2026

Joe Gerada … storja ta’ talent żagħżugħ, opportunità maqbuda, u mument li baqa’ jgħix għal kważi 50 sena

Aqra wkoll

Joe Gerada huwa isem li baqa’ mnaqqax fl-istorja tal-futbol Malti, mhux biss għal dak li għamel f’ġurnata partikolari, iżda għall-mod kif għamlu, f’età li nistgħu nsejħulha waħda tenera, u f’livell kompetittiv li dejjem hi fażi ta’ żvilupp. Illum, dak il-mument storiku qed jerġa’ jingħata ħajja ġdida wara rikonoxximent uffiċjali li jikkonferma l-impatt tiegħu fil-futbol lokali.

Fl-10 ta’ Marzu 1979, żagħżugħ ta’ 16-il sena u 11-il xahar għamel dak li ħafna jqisuh bħala wieħed mill-aktar mumenti rari fil-futbol Malti: hat-trick fil-kampjonat tal-ewwel diviżjoni għal Qormi FC kontra St. George’s FC, f’rebħa ta’ 4–0. Il-gowls waslu fil-56, 57 u 83 minuta, wirja kbira minn plejer li kien għadu beda jduq it-togħma tal-ogħla kampjonat Malti.

Din il-kisba issa ġiet uffiċjalment rikonoxxuta minn Malta Records bħala rekord nazzjonali, u qed titqies bħala wieħed mill-iktar hat-tricks veloċi fl-ogħla livell tal-futbol Malti modern. Dan is-sit tkellem ma’ Gerada dwar dan il-mument storiku li għalkemm għadda ż-żmien għadu wieħed li jibda fil-memorja tiegħu.

Meta jitkellem dwar dak iż-żmien, Gerada ma jħarisx lejh biss bħala mument ta’ glorja, iżda bħala parti minn vjaġġ ħafna usa’. Huwa jfakkar kif dak kien l-ewwel staġun tiegħu ma’ Qormi, meta kellu biss 16-il sena u kien għadu qed jidħol fil-futbol tal-kbar.

“Dak iż-żmien il-futbol kien differenti ħafna,” jgħid Gerada. “Kien aktar sempliċi, imma forsi aktar dirett ukoll. Kont għadni żgħir, imma kont ngħix għal-logħba.”

Dak l-istaġun beda b’tim li għadu qed jibni ruħu wara promozzjoni mil-livell t’isfel. Qormi kienu għadhom qed isibu saqajhom fl-ewwel diviżjoni, taħt it-tmexxija tal-kowċ Joe Cilia, u b’taħlita ta’ plejers żgħażagħ u oħrajn aktar esperjenzati.

Gerada jiftakar il-bidu tiegħu b’mod ċar: “Bdejt nilgħab mill-bidu, anke jekk kont żgħir. Kien hemm logħob diffiċli, bħall-konfront kontra Mosta li tlifna, imma mbagħad bdejna nsibu ritmu.”

Il-logħba li baqgħet imnaqqxa fl-istorja kienet dik kontra St. George’s, logħba bilanċjata li bdiet tinqaleb fit-tieni taqsima.

“Wara l-mistrieħ bdejt inħossni tajjeb ħafna,” jiftakar Gerada. “Għamilt żewġ gowls fi ftit minuti wieħed minn xutt minn nofs il-kaxxa u ieħor rebound sempliċi. Imbagħad kollox beda jiġi waħdu tant li fit-83 minuta żidt ieħor.”

Il-pressjoni żdiedet hekk kif il-logħba mxiet lejn it-tmiem, iżda Gerada ma waqafx hemm. L-aħħar għaxar minuti rawh iwettaq hat-trick, mument li, skont hu, għadu ċar f’moħħu sal-lum.

“Ma kontx qed naħseb fuq rekord jew xi ħaġa kbira. Kont qed nilgħab biss. Imma meta spiċċat il-logħba, bdejt nifhem x’kien ġara.”

Illum, Gerada mhux biss plejer storiku, iżda wkoll kowċ attiv fl-iżvilupp taż-żgħażagħ. Huwa involut ma’ Qormi FC fil-livelli tal-minors, fejn qed jaħdem biex jifforma l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ plejers.

“Illum qed nara l-futbol minn perspettiva differenti,” jgħid. “Meta kont żgħir, kont iffukat biss fuq il-logħob. Issa nifhem kemm hu importanti l-iżvilupp u l-edukazzjoni tal-plejers.”

Huwa jemmen li l-futbol Malti qed jinbidel, iżda mhux dejjem għall-aħjar fil-livell taż-żgħażagħ. Jikkritika l-użu eċċessiv ta’ plejers barranin fil-kategoriji tal-Youth League.

“Ma naqbilx li jkollok wisq barranin fil-youths. Jekk ma tagħtix ċans lill-Maltin, kif se jiżviluppaw? Żewġ jew tliet plejers barranin jistgħu jgħinu, imma mhux aktar.”

Ir-rikonoxximent ta’ Malta Records huwa meqjus minn ħafna bħala pass importanti biex jinżammu ħajjin l-istejjer tal-futbol Malti.

Għal Gerada, dan il-mument ma jfissirx biss tifkira personali, iżda wkoll apprezzament għall-klabb u għal dak kollu li għamel parti minn dak iż-żmien.

“Hu sabiħ li wara tant snin, xi ħadd għadu jiftakar u jirrikonoxxi dak li għamilt. Mhux għalija biss, imma wkoll għal Qormi Football Club u għal sħabi kollha ta’ dak iż-żmien.”

Dak il-mument storiku tal-1979 jibqa’ wieħed mill-aktar eżempji ċari ta’ kemm talent żagħżugħ jista’ jagħmel differenza anke fl-ogħla livell. Għal ħafna dilettanti tal-futbol, l-istorja ta’ Joe Gerada mhix biss dwar hat-trick, iżda dwar mentalità ta’ rebbieħ u kuraġġ f’età bikrija. Illum, meta l-futbol sar aktar fiżiku u organizzata, stejjer bħal dawn ifakkruna fis-sempliċita’ tal-logħba ta’ dak iż-żmien u fl-importanza li nagħtu spazju lit-talent lokali.

Il-kontribut tiegħu bħala plejer u aktar tard bħala kowċ qed ikompli jħalli impatt fuq ġenerazzjonijiet ġodda ta’ plejers f’Qormi. L-esperjenza tiegħu fil-livelli taż-żgħażagħ tkompli ssaħħaħ il-messaġġ li l-futbol Malti għandu bżonn investiment kontinwu fl-iżvilupp tekniku u mentali tal-plejers. Dan ir-rikonoxximent mhux biss jagħti ġieħ lill-passat, iżda wkoll jispira l-futur tal-futbol lokali.

Illum, il-mistoqsija jekk dik it-tripletta huwiex rekord Ewropew għadha qed tiġi investigata minn riċerkaturi u dilettanti tal-istorja tal-futbol. Imma għal ħafna fil-futbol Malti, il-kisba ta’ Joe Gerada diġà għandha post speċjali.

Hija storja ta’ talent żagħżugħ, opportunità maqbuda, u mument li baqa’ jgħix għal kważi 50 sena u għalhekk prova li l-futbol, fil-forma l-aktar pura tiegħu, jibqa’ jagħti stejjer li ma jintesew qatt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport