Bħalissa f’awla 29 fejn John Agius qed jidher mill-ġdid quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil. Fost ix-xhieda, qed jixhed l-Ispettur Stephen Gulia.
Huwa beda biex qal li l-inċident seħħ fl-24 ta’ Lulju 2026. Qal li kien għall-ħabta tal-10.40 a.m., meta l-Pulizija kienu rċevew telefonata li f’Telgħet Birkirkara, San Ġiljan kien hemm ħruq li kien għaddej.
L-uffiċjali marru fuq il-post u bdew l-istħarriġ preliminari tagħhom fejn irriżulta li bdew jitkellmu ma’ xi ħaddiema li kienu qed jagħmlu xi xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni.
Ġew infurmati li l-imputat kien qed jheddidhom biex ma jkomplux bix-xogħlijiet li kienu qed jagħmlu.
Ix-xogħol kien kisi ma’ ħajt, appoġġ, mar-residenza tiegħu. L-imputat beda jgħidilhom biex jieqfu mix-xogħlijiet.
Min-naħa tagħhom, il-ħaddiema komplew bix-xogħlijiet u John Agius beda juża kliem “jekk se tkomplu, ħa nweġġgħu”. Ħaddiema bdew jispjegaw lill-pulizija li Agius kien għadu kif qabbad il-bitħa ta’ taħthom b’konsegwenza li kien hemm ammont ta’ nar tielgħa lejhom.
Dan allegatament tqabbad minn fjuwil li allegatament kien provdielu ħuh li joqgħod fl-istess triq. Intqal li l-ħaddiema kien rawh imur il-pompa u ġej b’landa li kien fiha l-fjuwil suspettat petrol.
Il-Pulizija kienu ġew murija wkoll filmat li ttieħed mill-ħaddiema stess. Dan il-filmat intwera wkoll fil-Qorti.


