Monday, December 23, 2024

Jonqsu n-nies li kielu u raqdu f’xelters temporanji

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, magħrufa aħjar bħala s-sena tal-pandemija, kien hemm inqas persuni li marru f’wieħed mix-xelters li tmexxi l-Fondazzjoni Dar il-Hena biex jieħdu s-servizz ta’ ikel offrut b’xejn. Apparti minn hekk, b’mod pożittiv ġie reġistrat ukoll tnaqqis fl-għadd ta’ nies li raqdu f’dawn ix-xelters.

Minħabba l-pandemija, is-servizz tat-tqassim tal-ikel ġie estiż ukoll għat-tqassim fid-djar. Dan jidher li kien wieħed mill-effetti li wasslu sabiex jonqsu dawk dipendenti fuq dawn is-servizzi.

Dan joħroġ mir-rapport ta’ ħidma tal-Fondazzjoni Dar il-Hena għall-perjodu 2017-2020, liema fondazzjoni tmexxi tliet residenzi: Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores u r-residenza Reach, li jservu ta’ xelters temporanji u li jgħinu persuni jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà.

Ir-rapport juri kif fl-2020, kien hemm 515-il persuna li ngħataw is-servizz ta’ ikel b’xejn minn dawn ir-residenzi, li jfisser tnaqqis ta’ 70 persuna meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan filwaqt li fl-2018 kien hemm 493 persuna li ħadu dan is-servizz mentri fl-2017, ġew megħjuna b’kollox 518-il persuna.

L-akbar ammont ta’ persuni li fittxew dan is-servizz kienu rġiel (77%) segwiti minn nisa (19%) u tfal (4%). L-età medja kienet ta’ 39 sena. 

Jirriżulta wkoll li 35% tal-persuni kienu riferuti għal dan is-servizz minn familjari jew ħbieb, 17% marru waħedhom, 16% ġew riferuti mill-Aġenzija Sapport, 10% kienu klijenti li wżaw darba dan is-servizz u 22% ġew minn servizzi oħrajn. 

Sadanittant, fl-2020 kien hemm 136 persuna li għamlu użu mix-xelters li tmexxi Fondazzjoni Dar il-Hena u raqdu fihom. Dan ifisser tnaqqis ta’ 222 persuna meta mqabbel mas-sena ta’ qabel meta l-għadd ta’ persuni fl-2019 kien ilaħħaq it-358.

F’kummenti li għadda wara l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport, id-Direttur tal-Caritas Dr Anthony Gatt qal li wara kull numru hemm il-ħajja tan-nies, Maltin u anke dawn barranin. 

Spjega li dan il-kunċett partikolari huwa uniku fil-pajjiż fejn il-Gvern, il-privat u l-Caritas jingħaqdu flimkien biex joffru l-assistenza lil dawn in-nies fil-bżonn. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega li dan is-servizz serva ta’ għajnuna kbira anke waqt il-pandemija. Qal li l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet rispettivi hija importanti biex tkompli tingħata l-għajnuna lil min tassew għandu bżonnha. 

Il-Ministru Falzon semma wkoll kif il-pandemija wasslet ukoll għal problemi oħrajn anke fejn jidħlu solitudni u l-komunikazzjoni soċjali. Tenna illi s-servizzi offruti minn dawn ir-residenzi jservu mhux biss sabiex persuna tmur tiekol jew torqod, imma wkoll bħala kumpanija.

Il-Ministru Falzon qal li din is-sena il-Ministeru Soċjali allokka s-somma ta’ €835,000, lil Dar Papa Franġisku sabiex jiggarantixxi l-finanzi meħtieġa fit-tmexxija ta’ dawn ir-residenzi. Numru ta’ residenti li temmew il-programm tal-Fondazzjoni Reach kisbu diploma mill-Università, xtraw dar ġdida, u kisbu xogħol permanenti, fost stejjer oħra ta’ suċċess fit-tul.

Intant, il-gvern jiffinanzja aktar minn 18-il miljun ewro fis-sena sabiex jassisti numru ta’ NGOs li jwettqu ħidma ma’ persuni vulnerabbli. L-għan aħħari ikun dak li persuni li ġew għall-għajnuna ikollhom aċċess għal għajnuna u sapport sabiex huma jerġgħu jintegraw lura fis-soċjetà. 

Ekonomija

Sport