Wara li l-Kummissarju tal-Pulizija qal li ma jistax jipproċedi kriminalment kontra Miroslava Milenovich, waħda mill-esperti fl-inkjesta Vitals, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat permezz tal-avukati tiegħu, talab lill-Avukat Ġenerali sabiex tgħid jekk taqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissarju jew jekk minn naħa tagħha, hux se tipproċedi kontra Milenovic, kif tippermetti l-liġi.
Fit-13 ta’ Novembru 2024 Dr Muscat kien fetaħ kwerela biex jinbdew proċeduri kriminali kontra Milenovic wara li fil-Qorti kien sar magħruf li minkejja illi la għandha degree fl-accounts u lanqas għandha warrant ta’ ‘accountant’, il-Maġistrat Gabriella Vella fl-2019 kienet ħatritha bħala ‘forensic accountant’ u Milenovic innifisha ħadet ġurament f’dan is-sens.
Sena u erba’ xhur wara, fl-20 ta’ Marzu li għadda, l-Kummissarju wieġeb li ma kienux se jittieħdu passi kriminali għax qal li wara l-indaġni tal-Pulizija, ma rrizultawx xi indizzji jew provi li fuqhom il-Pulizija tista’ tmexxi kriminalment kif intalab.
Dr Muscat irrimarka kif m’hemmx dettalji dwar x’investigazzjoni saret mill-Pulizija, xi provi nġabru, jew jekk ittieħdux stqarrijiet mill-persuni involuti. Tintuża biss il-kelma “indaġni”, mingħajr izda ma ingħatat spjegazzjoni ta’ x’sar eżatt. L-eks Prim Ministru żied li imkien ma hemm kif il-Pulizija waslet għall-konklużjoni li ma tipproċedix kriminalment.
Fl-ittra tiegħu, Dr Muscat semma’ kif skont il-liġi Maltija meta l-Pulizija tiddeċiedi li ma tipproċedix kriminalment, il-każ jintbagħat lill-Avukat Ġenerali sabiex tieħdu deċiżjoni finali. Il-parti li tħoss ruħha aggravata għandha d-dritt titlob lill-Avukat Ġenerali terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni u tagħti r-raġunijiet tagħha.
Fid-dawl ta’ dan, l-eks Prim Ministru talab lill-Avukat Ġenerali biex fi żmien sebat ijiem twieġeb dwar jekk kinitx involuta jew ikkonsultata fl-indaġini li saru mill-Pulizija u jekk fl-affermattiv, b’liema mod u f’liema stadju ta’ l-investigazzjoni u jekk le, ir-raġunijiet għala ma kinitx involuta. Dr Muscat talab lill-Avukat Generali tgħid ukoll jekk il-Kummissarju rriferilix il-każ u l-atti tal-investigazzjoni tiegħu kif meħtieġ mill-liġi, u jekk iva, meta u b’liema dokumentazzjoni.
L-Avukat Ġenerali intalbet ukoll tgħid jekk tikkonfermax id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissarju li ma ssirx prosekuzzjoni jew jekk għandhiex fehma differenti u f’kull każ tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, u jekk hux ser tipproċedi kriminalment kontra Milenovic. Jekk dan mhux se jsir intalbet tagħti raġunijiet dettaljati ta’ għaliex mhux ser tagħmel hekk, inkluż riferenza għall-provi u l-investigazzjonijiet li qed tistrieħ fuqhom.
Permezz tal-avukati tiegħu, Dr Muscat informa lill-Avukat Ġenerali li jekk mhux se tagħti tweġiba għall-ittra tiegħu fi żmien raġonevoli skont il-liġi, jew f’każ li t-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, huwa jirriżerva d-dritt li jipproċedi ulterjorment skont dak ipprovdut mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u milll-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Joseph Muscat jitlob lill-Avukat Ġenerali tgħid jekk hux setipproċedi kriminalment kontra Miroslava Milenovic

