Kienet ippubblikata l-ħarġa ta’ April tal-gazzetta Furjaniża, ‘IL-FURJANA’. Minn kemm ilha tkun ippubblikata din il-gazzetta f’Ottubru tal-1953, l-ewwel ħarġa ta’ kull sena, tkun maħruġa fl-okkażjoni tal-festa parrokkjali tal-lokalità f’ġieħ San Publju li hu wieħed mit-tliet ko-patruni ta’ pajjiżna, l-Ewwel Isqof ta’ Malta, u patrun tal-belt tal-Furjana. Festa li din is-sena se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd 19 ta’ April.
Wara nuqqas ta’ xi snin, din il-ħarġa hi wkoll imsejħa ‘ħarġa tal-festa’, għaliex il-parti l-kbira tal-kontenut tagħha hu b’xi mod jew ieħor konness ma’ dan l-avveniment annwali li tradizzjonalment jagħti bidu għall-hekk imsejjaħ ‘staġun tal-festi titulari tas-sajf’ f’Malta u f’Għawdex.
Fil-fatt nofs il-paġni ta’ din il-ħarġa jiffurmaw suppliment speċjali dwar statwi u statwetti ta’ San Publju li nsibu fi jew mal-knejjes, f’niċeċ u f’toroq ta’ lokalitajiet differenti tal-Gżejjer Maltin.
Il-kitba li fih dan is-suppliment hi akkumpanjata minn għadd sabiħ ta’ ritratti li wieħed minnhom juri saħansitra statwa żgħira li fl-imgħoddi kien hemm fi triq fl-Imsida u li xi żmien ilu sfortunatament għebet.
Dawn l-istatwi jew statwetti jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: f’Malta – l-Imdina, San Pawl il-Baħar, Valletta, Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Ħal Qormi (Parroċċa San Ġorġ), Siggiewi, Imsida, u Raħal Ġdid (fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata); u f’Għawdex – Munxar, Nadur, Xewkija, u Rabat (Victoria).
Fil-paġni tan-nofs ta’ dan is-suppliment, hemm miġburin ir-ritratti tad-disa’ statwi ta’ San Publju li nsibu fil-lokalità tal-Furjana. Dawn huma naturalment apparti l-kapolavur li kien għamel il-magħruf skultur Malti, Vincenzo Dimech u li nhar il-festa tal-qaddis tinġarr proċessjonalment madwar it-toroq ewlenin tal-Furjana.
Is-suppliment ta’ ‘IL-FURJANA’ jinkludi wkoll ritratti taż-żewġ statwi kbar (life-size) li f’xi żmien jew ieħor kienu jiddominaw l-Ark Trijonfali ta’ San Publju li kien inqered bin-nar fl-2019. Waħda minnhom inqerdet mal-kumplament tal-istruttura f’dawk in-nirien qerrieda.
L-istatwi/statwetti msemmija huma jew tal-ġebel, tal-irħam, inkella tal-kartapesta. Id-daqsijiet ivarjaw minn life-size sa ċkejknin. Uħud minnhom għandhom preġju artistikament u saru minn statwarji lokali magħrufa. Oħrajn mhux magħruf minn min inħadmu.
KITBIET OĦRA
Minbarra dan is-suppliment, din il-ħarġa tal-gazzetta Furjaniża tinkludi wkoll żewġ kitbiet oħra li b’xi mod għandhom x’jaqsmu ma’ San Publju. Publio Agius jikteb dwar il-verżjoni bil-Malti tal-Innu Popolari lil San Publju. Verżjoni li kienet inkitbet minn missier Agius, il-mibki u qatt minsi Kommendatur Antonio Agius.
Il-Kanonku Rev. Dr David Torpiano hu l-awtur ta’artiklu bit-titlu ‘L-istorja tal-pittura tas-saqaf kif nafha jien’, dwar l-aħħar parti tal-pittura tas-saqaf tal-Knisja ta’ San Publju, li issa tlestiet għal kollox. Din il-kitba wkoll hi akkumpanjata minn numru ta’ ritratti konnessi.
Bħal kull ħarġa oħra ta’ din il-gazzetta, fiha diversi kitbiet qosra dwar ġrajjiet li jkunu seħħew fil-Furjana mill-ħarġa ta’ qabel ‘l hawn. Fost dawn, hemm tnejn li saru lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. L-ewwel is-simpożju dwar San Publju li ġab fit-tmiem it-tfakkira tal-1,900 anniversarju mill-martirju tal-qaddis protettur tal-Furjana.
U t-tieni hu dwar is-suċċess li għamlet Julia Ann Cluett (bint il-mibki goalkeeper ta’ Floriana FC) fil-konkors ta’ Miss Universe 2025 meta kisbet l-aqwa riżultat li qatt kisbet tfajla Maltija għax spiċċat fit-12-il post u ngħatat it-titlu ta’ Miss Universe Euope & Middle East.
Ġrajjiet oħra msemmija huma r-rinnovazzjoni tal-clubhouse tal-Floriana Ajax Sports Club f’Balzunetta li dwarha jikteb is-Segretarju tal-klabb, Ray Mifsud; ktieb ġdid minn Paul Ellul; attività għat-tfal Furjaniżi organizzata mill-Valletta, Floriana Community Service; u pittura li qiegħda fil-Knisja ta’ Sarria li ttieħdet Spanja u kienet esposta għall-wiri.
‘IL-FURJANA’ fiha wkoll bħas-soltu l-Paġna tal-Kunsill Lokali.
Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ April tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494, jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.
ABBONA ISSA!
L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.
Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’ li kien ippubblikat mill-amministrazzjoni tal-gazzetta sentejn ilu fl-okkażjoni tat-300 sena tal-Furjana (1724-2024).
ld-Direzzjoni tal-gazzetta tixtieq ukoll tinforma li għad fadlilha wkoll għall-bejgħ numru żgħir ta’ kopji tal-kotba li ppubblikat fis-snin li għaddew dwar il-Knisja ta’ San Publju u dwar l-Ark Trijonfali ta’ San Publju li kien inqered bin-nar xi snin ilu. Min jixtieq jakkwista kopja jista’ jagħmel kuntatt bil-mod imsemmi hawn fuq.

