Il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, jiem wara l-ippublikar tal-inkjesta jisħaq li din, “ikkonfermat li Gvern Laburista ħoloq klima li fiha persuni kriminali ħassewhom komdi biex jaħdmu u joqtlu lil Daphne Caruana Galizia”.
Mistoqsi x’kienu l-ħsibijiet tiegħu f’dan ir-rigward, Grech jgħid li llum il-ġurnata ħadd m’għandu dubju li l-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin kien qiegħed hemm biss biex jaqdi l-interessi ta’ dawk qrib tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, ġiet milquta’ r-reputazzjoni u l-kredibiltà ta’ pajjiża.
Għaldaqstant huwa elenka li, “din l-inkjesta issiġillat u tat timbru ċar li l-Gvern Laburista uża l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna, dawk li suppost kienu hemm b’awtorità biex iħarsuna, biex jikkontrolla; l-informazzjoni, l-investigazzjoni jew proskeuzzjoni jew jara li min għandu jiġi arrestat u investigat minflok jiġi megħjun biex jevadi l-ġustizzja.”
L-impunità
Grech irrefera wkoll għal dak li kien spjega Peppi Azzoppardi ftit jiem ilu, dwar xi tfisser kultura ta’ impunità, hekk kif deskritta fl-inkjesta. “Malli tħabbret elezzjoni fl-2017, il-mandant ċempel lil dan il-persuna u qallu waqqaf kollox. Ghaliex? Għax malli tħabbret l-elezzjoni; kien hemm iċ-ċans li jista’ jirbaħ Simon Busuttil. Hekk kif intrebħet mill-PL, Peppi jerġa jgħidilna; dan jerġa jċempel lil persuna, biex joqtol lil DCG. Allura Peppi jispjega li hemm, ħassu komdu biex jkompli bil-pjan kriminali tiegħu. Xi tfisser impunità? Xi ħadd kbir jew żgħir iħossu komdu li jista’ jagħmel li jrid għax hemm Gvern li jipproteġih.”
“Joseph Muscat għamel ġid?
Hawn Grech iwieġeb lilu nnifsu u jgħid li huwa minnu li għamel il-ġid. Minkejja dan, huwa jiddeskrivi l-eks Prim Ministru bħala, “mażra ma’ għonq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna… Il-fatt li xi ħadd għamel ġid, ftit jew ħafna, ma jfissirx li jista’ jibqa jagħmel il-ħsara ‘l pajjiżna”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, madankollu, jgħid li issa l-Prim Ministru ta’ pajjiżna huwa Robert Abela u hu għandu l-obbligu primarju li jiddefendi u jieħu ħsieb il-ġid ta’ pajjiżna. Huwa żied jgħid li biex jagħmel hekk irid jibgħat messaġġ ċar f’Malta imma wkoll barra minn pajjiżna u jrid juri li mhuwiex taħt il-kontroll ta’ Joseph Muscat. Jgħid ukoll li huwa evidenti, “għal diversi ġimgħat”, li l-Prim Ministru jibqa’ jibża u jibqa’ jirreżisti t-talba u s-sejħa li huwa għamel biex jitneħħa JM mill-Partit Laburista, “għax huwa evidenti li Robert Abela huwa bi product ta’ Joseph Muscat u huwa l-kontinwità tiegħu, li jieħu n-nifs minn Muscat. Allura ma jista’ jkun qatt dak il-Prim Ministru li jerġa’ jagħti lura l-kredibilità u l-unur li jixraq lil pajjiżna.”
Fi tmiem l-intervista huwa temm jgħid li, “aħna għandna ċ-ċertezza li kapaċi, jekk ningħataw il-fiduċja, li nerġgħu f’dan il-pajjiż, inwasslu t-tieni ħelsien. Din id-darba, minflok il-ħelsien mill-armati Ingliżi aħna rridu nagħtu ħelsien minn pajjiżna, mill-ħakma tal-kriminali li ħakmu l-Partit Laburista u li ħakmu l-pajjiżna.”