Joseph Portelli reġa’ lura bħala president ta’ Ħamrun Spartans wara laqgħa tal-kumitat li saret nhar il-Ħamis.
Il-ġimgħa li għaddiet, Portelli kien irriżenja bħala president ta’ Ħamrun Spartans sabiex jirreġistra ruħu bħala plejer mat-tim. Huwa ħa din id-deċiżjoni hekk kif skont ir-regolamenti tal-MFA, president ta’ klabb huwa prekluż milli jkun reġistrat bħala plejer ma’ dak l-istess klabb.
Madankollu, l-isforzi tiegħu biex ikun reġistrat bħala plejer fl-aħħar jum tas-suq tat-trasferimenti, ġew mitmuma mill-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA li rrifjuta l-applikazzjoni tiegħu biex jirreġistra bħala plejer.
Il-korp tal-Malta FA ħa d-deċiżjoni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Etika li kien iddiskuta l-kwistjoni fil-bidu tal-ġimgħa.
Wara d-deċiżjoni tal-MFA, Portelli għażel li ma jappellax id-deċiżjoni u nhar il-Ħamis għamel talba lill-kumitat tal-klabb biex ir-riżenja tiegħu tiġi revokata.
Il-kumitat tal-klabb aċċetta t-talba ta’ Portelli u huwa reġa’ ġie approvat bħala l-president tal-Ispartans.
L-Ispartans issa mistennija jippreżentaw il-karti mitluba lill-Malta Football Association sabiex ikun ikkonfermat bħala l-president tal-klabb għal darb’oħra.