Monday, April 22, 2024

Jinħatar Kummissarju ġdid għall-ħarsien u l-iżvilupp tal-priġunieri

Aqra wkoll

Is-Sur Mauro Farrugia ġie maħtur bħala Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri.

Il-ħatra tiegħu saret mill-President ta’ Malta George Vella, fuq rakkomandazzjoni mill-Ministru għall-Intern, is- Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, wara deċiżjoni mill-Kabinett.

Is-Sur Farrugia għandu 45 sena u ġej minn snin twal ta’ esperjenza permezz tal-ħidma tiegħu fl-oqsma soċjali, fejn hu anke okkupa diversi rwoli ta’ tmexxija fis-servizz pubbliku.

Hu gradwat b’Baċellerat fil-Psikoloġija mill-Università ta’ Malta, u ħadem fost oħrajn b’mod dirett fis-setturi tad-diżabilità, taż-żgħażagħ bi sfidi ta’ imġieba diffiċli, fil-multikulturaliżmu u ma’ nies li jkunu qed ifittxu l- ażil, kif ukoll ma’ persuni f’sitwazzjonijiet soċjali diffiċli.

Il-kariga uxxenti tiegħu hi dik ta’ Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li qed ifittxu l-Ażil.

Il-Ministru Byron Camilleri awgura lill-Mauro Farrugia l-ħidma t-tajba fil-kariga ġdida fdata lilu. Dr Camilleri qal li l-irwol ta’ Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri għandu jkompli jiġi msaħħaħ fuq il-pedamenti sodi li hemm u li jsegwi l-iżvilupp kontinwu li hemm għaddej fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Fil-faċilitajiet korrettivi għandu jissokta l-impenn li pajjiżna jibqa’ jkollu ħabs sigur u ordnat, filwaqt li jkomplu jiġu implimentati iżjed programmi rijabilitattivi.

Sport