Saturday, September 26, 2026
Home Sport Julian Ward jinħatar direttur sportiv ta’ Liverpool

Julian Ward jinħatar direttur sportiv ta’ Liverpool

0
49

Liverpool ħatru lil Julian Ward bħala d-direttur sportiv il-ġdid tal-club.

Ward, li għandu 45 sena, se jieħu post Richard Hughes, li kien ilu jokkupa din il-kariga għal ftit aktar minn sentejn qabel ma telaq mill-club f’Settembru.

Din se tkun it-tieni darba li Ward se jokkupa l-kariga ta’ direttur sportiv f’Anfield, wara li kien diġà kellu dan ir-rwol fl-istaġun 2022-23. Ward qal li jinsab “eċċitat immens” li reġa’ ngħata l-opportunità li jaħdem f’din il-kariga.

Huwa ngħaqad ma’ Liverpool fl-2012 bħala responsabbli mill-iscouting fi Spanja u l-Portugall, qabel ma ġie promoss għal assistent direttur sportiv fl-2020.

Sentejn wara, huwa ħa post Michael Edwards bħala direttur sportiv, iżda f’Novembru tal-2022 tħabbar li Ward kien se jitlaq minn Liverpool fi tmiem l-istaġun.

Fl-2024, Ward irritorna mal-club bħala direttur tekniku tal-Fenway Sports Group (FSG), is-sidien ta’ Liverpool, wara li Edwards inħatar bħala l-kap eżekuttiv tal-football tal-grupp. Matul l-aħħar sentejn, Ward kien responsabbli mill-iżvilupp tal-players u mill-akkademja tal-club.

Il-president tal-FSG, Mike Gordon, qal li l-grupp jinsab kuntent li Ward aċċetta li jmexxi d-dipartiment tal-operazzjonijiet tal-football f’dan il-mument.

Gordon qal li l-esperjenza vasta ta’ Ward fl-industrija tal-football, u b’mod partikolari ma’ Liverpool, tagħmlu l-kandidat ideali għal din il-kariga. Huwa żied li l-għarfien u l-kompetenza ta’ Ward se jkomplu jsaħħu l-ħidma tal-club, filwaqt li jiżguraw li l-coach ewlieni, Andoni Iraola, jingħata l-appoġġ meħtieġ hekk kif ikompli jagħmel impressjoni pożittiva fit-tmexxija tat-team.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here