Tuesday, December 24, 2024

Jum il-Konsumatur – Sigurtà fid-dinja Diġitali

Aqra wkoll

Id-dinja qed tinbidel b’mod radikali bl’użu tas-settur diġitali. Hemm ħafna jaħsbu li l-uniku settur li qed jiġi affettwat hu dak finanzjarju meta fil-fatt, kull settur tal-ħajjatagħna, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed juża t-teknoloġija diġitali sew biex il-proċessi jgħaġġlu aktar u sew biex is-settur ikollu potenzjal akbar.

Minħabba hekk, illum kulħadd ikollu juża din it-teknoloġija. Hu għalhekk li llum hemm bżonn li nagħtu kas aktar dan is-settur. Bħal ma semmejt, dan is-settur għandu potenzjal qawwi u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ser ikollna nużawh.

Bħal kull ħaġa oħra, dan is-settur mhux biss potenzjal għandu imma wkoll periklu.

Hemm min jaħseb li forsi qbadna triq ħażina, imma rridu u ma rridux xorta ser ikollna nużawh. Dan bħal sikkina li sew għandha potenzjal u sew periklu. Imma b’daqshekk xorta nużawha.

Biex il-konsumatur ma jidħolx f’periklu hemm bżonn li jagħmel żewġ affarijiet. L-ewwel hi li nitgħallmu aktar dwar dan is-settur, speċjalment kif għandna nużawh sew biex nieħdu l-akbar potenzjal li għandha din it-teknoloġija.

Imma bħal kull ħaġa oħra rridu noqogħdu attenti. Din hi teknoloġija li għandha potenzjal qawwi ħafna speċjalment issa li hemm dik li jsejħula generative AI. Dan l-iżvilupp ġdid qed ibiddel it-teknoloġija diġitali bil-kbir. Dan għaliex b’AI int tista’ toħloq sew kitba, stampi u ritratti, video jew audio skont kif trid. Din il-biċċa żdiedet sew b’software (chatbots) biex il-programm jipproduċi dak li trid b’mod li ma jintgħarafx minn dawk l-affarijiet (kitba, stampi eċċ) maħluqa b’mod naturali.

Dan jagħti potenzjal qawwi imma jagħti wkoll lok għal abbuż għaliex wieħed ikun jista’ joħloq permezz ta’ din it-teknoloġija, per eżempju video b’persuna f’post li qatt ma kienet u qed tagħmel u tgħid affarijiet li qatt ma għamlet jew qalet. Mhux talli hekk, imma dan il-video ikun diffiċli li jintgħaraf li mhux vera. Diġà kien hemm ħafna abbużi mhux biss fuq persuni importanti imma fuq persuni komuni.

Biex inkunu nistgħu nkomplu nużaw din it-teknoloġija b’moħħna mistrieħ, hemm bżonn li l-liġijiet iħarsu dawn id-drittijiet f’dan is-settur:
Ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi li diġa’ jeżistu – dritt ta’ informazzjoni, trasparenza, fairness, sigurezza u privatezza ta’ data personali u dritt ta’ kumpens meta jinkisrulu d-drittijiet tiegħu;

Il-konsumatur għandu jkollu dritt li joġġezzjona u jitlob spjegazzjoni meta deċiżjonijiet fuq il-konsumatur jittieħdu minn programmi diġitali;

Il-konsumatur irid ikollu dritt li d-data personali tiegħu u informazzjoni falza fuqu titħassar kompletament;

Il-konsumatur jibqalu d-dritt li jikkomunika ma persuna speċjalment f’okkażjonijiet bħal f’servizz għall-konsumaturi (customer service);

L-iżviluppaturi ta’ dan is-settur (generative AI) għandhom ikollhom l-obbligu li jistabilixxu sistemi biex iħarsu dawn id-drittijiet. Dan l-obbligu għandu jkun ukoll għal dawk li jipproduċu software u prodotti b’dan it-tip ta’ software.

Nemmen li dawk l-awtoritajiet li għandhom x’jaqsmu mas-settur diġitali għandhom minn issa jieħdu passi biex ikollna liġijiet li jħarsu dawn id-drittijiet. Ma nemminx li dawn għandhom joqogħdu b’idejhom fuq żaqqhom jistennew l-UE li tieħu dawn il- passi. Hu billi nieħdu passi issa li l-konsumaturi, speċjalment dawk vulnerabbli, ikunu mħarsa minn abbużi u jkollhom moħħhom mistrieħ meta jużaw din it-teknoloġija.

Ekonomija

Sport