“Jum il-Mara fadal bżonnu? Ċertament! Anke fejn wasalna fid-drittijiet, fadal mentalitajiet patrijarkali u sterjotipi x’niġġieldu.Sena ilu, b’mod prominenti, iżda anke sal-bieraħ stess, diversi persuni jassumu li m’erġajtx ikkontestajt elezzjoni għax ta’ 35 sena daqt ser niżżewweġ u naħsiblu għat-tfal. Deċiżjoni personali li, fl-aħħar mill-aħħar, m’hi ta’ ħadd ħlief tiegħi u tal-partner”.
Dan iddikjaratu l-eks Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, fejn spjegat li meta mara tagħżel li tiffoka aktar ħin għall-familja hi xi ħaġa sabiħa.
Spjegat illi ommha l-għażiża hija mara tad-dar u rrakuntat kemm kien sabiħ li wara l-iskola kienet ssibha tistenniha, tippreparalha l-ikel, jgħidu kelmtejn u twennisha fil-mumenti diffiċli.
Qalet ukoll; “Kemm xogħol ma jaqta’ xejn, li m’għandux ħlas, iżda mhemmx prezzu! Grazzi għażiża ommi li ddedikajt ħajtek għalina u rabbejtna, flimkien ma’ missieri, b’valuri tant importanti għal ħajjitna, b’sempliċita’ u ġenwinita’ liema bħalhom. Inti li qabel biss iżżewwiġt lil missieri u kellek lil ħuti u lili, tlaqt kmieni l-edukazzjoni primarja, għax il-kbira mill-bniet, biex tgħin lill-ġenituri tiegħek fix-xogħol tar-raba’ u d-dar”.
Irrimarkka li ommha qas qatt ma staqsietha jew ppressata għaż-żwieġ jew in-neputijiet. Enfaszzat li r-realta’ hi li parti mis-soċjeta’ tagħna, għadha ma tibqax lura milli tippromwovi ċerta sterjotipi, ħafna drabi għax dik il-kultura li rabbewna fiha.
Qalet ukoll “Għalhekk essenzjali l-edukazzjoni u r-‘role models’. Id-drittijiet essenzjali, iżda waħedihom mhumiex biżżejjed. Importanti wkoll, iva, li dawk li jixtiequ li jkollhom familja u qed jaffaċjaw sfidi, isibu l-għajnuna li għandhom bżonn mill-istat u l-kommunitajiet tagħna; iżda wkoll fuq il-post tax-xogħol tagħhom biex ikunu jistgħu jkomplu u javvanzaw fil-karriera, dejjem jekk dik tkun ix-xewqa tagħhom”.
Fuq dan ir-rigward, Cutajar saħqet li għad fadal xi jsir u li għalhekk hija essenzjali li wiieħed jagħti ħarsa lejn dak li għaddew minnu nisa oħra qabilna, nisa li jistgħu jkunu ta’ inspirazzjoni għal bosta sabiex wieħed jegħleb l-isfidi kurrenti u sabiex wieħed jilħaq l-potenzjal sħiħ tal-opportunitajiet li jeżistu.
Fl-istess messaġġ, kompliet tgħid; “F’dan il-kuntest, nawgura lill-Universita’ ta’ Malta li lbieraħ nediet l-Arkivju tan-Nisa biex l-istejjer ta’ tant nisa, minn sferi differenti tal-ħajja, jinġabru u jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Stejjer li żgur se jgħinuna niftakru li dak li llum jidher sfida, jista’ jiġi megħlub bi sforz kollettiv. Kultant, ispirat minn persuni li għal bidu ma jingħatawx widen iżda li eventwalment għax jippersistu u jingħaqdu flimkien, iwasslu għall-bidla għall-aħjar”
Wasslet il-messaġġ lil kull mara li bħalissa qed tissielet, tinsab magħkusa jew qalbha maqtugħa jew li tħossha li s-soċjeta’ mhux tifhimha, kuraġġ! Qalet li dawn għandhom ifittxu r-reżiljenza u s-sapport li hemm bżonn biex iqumu fuq saqajhom u jimxu ‘l quddiem.