Monday, December 23, 2024

Jum il-Mara mill-perspettiva ta’ diversi nisa Maltin

Aqra wkoll

Hekk kif proprju llum t-8 ta’ Marzu se nkunu qed niċċelebraw Jum il-Mara, dan is-sit tkellem ma’ diversi nisa ġejjin minn kull strata tas-soċjetà u staqsejniehom x’jaħsbu fuq Jum il-Mara u jekk iħossux li għandna nibqgħu niċċelebraw dan il-jum.

ONOR. KATYA DE GIOVANNI 

Jum il-Mara għandna nibqgħu niċċelebrawh sakemm nassiguraw rwieħna li l-opportunitajiet għan-nisa huma verament hemm u mhux fuq il-karta biss. Noħlom li xi darba ma niġux bżonn li niccelebrawh aktar dan il-jum il-għaliex ikun hemm biżżejjed nisa jirrapreżentaw lil poplu u aktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

MARIA MUSCAT

Filwaqt li l-mara minkejja l-kampanji li jsiru għadha meqjusa bħala tat-tieni klassi, anke fil-kamp tax-xogħol, u anke minħabba li tibqa’ l-mara/omm li trid taqdef għal uliedha. Filwaqt li nemmen li m’hawnx miżuri fuq ix-xogħol biex l-omm/mara tkun tista’ tkun hemm għal uliedha jekk ikollhom bżonn sptar jew ma jifilħux. U filwaqt li mara għadha mistkerrħa meta tkun tokkupa xi kariga…Jien ma naqbilx ma’ Jum il-Mara.

Nemmen li flok Jum il-Mara hemm bżonn li aħna n-nisa ma nkunux għedewwa ta’ xulxin flok nwieżnu lil xulxin. Il-mara biex tkun rikoxxuta m’għandhiex bżonn jum. Meta tiddedika jum għalija qisek qed tgħid li l-mara hija inqas, jew vulnerabbli. Il-mara mhix vulnerabbli. Il-Mara hija b’saħħitha, u jekk tinvestiga tara kif il-mara llum trabbi lill-ulied b’tant diffikultajiet, u tmur għax-xogħol, taħdem u ġġib ir-riżultati.

Mhux Jum il-Mara, imma ħidma kontinwa biex naraw bilanċ u ġustizzja lejn dik il-mara li taħdem. Jien ma nivvutax għal mara għax mara, nivvutalha għax kapaċi. Nkun kuntenta mhux b’jum fis-sena, imma li kontinwament niftakru li mara jew raġel, lkoll umani, iżda hemm bżonn li nkunu ġusti. Il-verità hi li ċerti nisa ma jagħmlux ġieħ għax ikunu huma stess li jxekklu l-irwoli tal-mara.

Iżda mbagħad hemm nisa li għax baqgħu jiġġieldu u jissieltu għamlu d-differenza f’ħajjitna. Ejjew inkomplu naħdmu fuq il-ġustizzja li għandha bżonn il-mara, l-omm li tissielet biex ikollha x-xogħol u tlaħħaq mal-ulied.

Anke fil-qasam tal-Knisja Kattolika, ukoll, il-mara hija tat-tieni klassi, għax l-ikbar irwoli huma f’idejn l-irġiel. Inkunu onesti li l-mara mhux f’pajjiżna biss, iżda fid-dinja, għadha meqjusa bħala inqas. U jien b’jum wieħed biss fis-sena mhux se jagħmilli xi differenza. Irrid nara l-ġustizzja ssir u hemm inkun kuntenta.

AMANDA BUGEJA AZZOPARDI

Il-mara hija simbolu tal-ħajja għax hija simbolu tal-fertilità li jfisser kontinwitá. Matul iż-żminijiet ir-rwol tal-mara nbidel, fejn qabel kienet il-fulkru tal-familja fejn ir-rwol tagħha kien li jindokkra l-familja, illum il-ġurnata il-mara evolviet u saret aktar indipendenti u parteċipi fis-soċjetà.

Għalija personali l-ewwel u qabel kollox bħala mara l-aktar ħaġa importanti hija l-familja u r-rwol tiegħi bħala omm. Aspett ieħor importanti fil-ħajja tiegħi bħala mara huwa li nipparteċipa b’mod attiv fis-soċjetá u fid-dinja tax-xogħol.

Nemmen il iva għandna nkomplu niċċelebraw Jum il-Mara speċjalment biex niftakru f’dawk in-nisa li fis-skiet jagħmlu tant xogħol utli fil-familja u anke fis-soċjetà.

ALISON DEBONO

Jum il-Mara għalija hi okkazjoni importanti biex naraw il-mara fejn waslet bil-ħiliet tagħha u kemm hija strumentali fil-progress tas-soċjetá tagħna. Dan il-jum huwa avveniment importanti biex ifakkarna fuq il-valuri tar-rispett, tal- ugwaljanza u tal-ekwità. Niċċelebraw minn mara li ddedikat ħajjitha lill-familja għall-mara li għandha karriera u / jew li tmexxi kumpanija. Awguri mill-qalb lil kull mara f’dan il-jum speċjali!

 
STEPHANIE CHIRCOP

Jum il-Mara ifisser u ma jfissirx għalija. Bla dubju li l-mara hija speċjali ħafna u nemmen li għandu jiżdied is-sehem tagħha fis-soċjetá, speċjalment fil-politika. Peró, ma narax għalfejn m’għandux ikun hemm Jum ir-Raġel ukoll. Nemmen li t-tnejn huma specjali u d-dinja ma tista’ tkun qatt sew jekk ma jkunx hemm il-bilanċ.

Inqis li hawn wisq ħoss fuq Jum il-Mara meta n-nisa stess ma japprezzawx biżżejjed lil nisa bħalhom!

MOIRA DELIA

Użgur li għandna niċċelebraw Jum il-Mara – almenu ġurnata fejn il-mara tieħu ftit mistrieħ mill-multi-tasking kollu!

DENISE CARUANA 

Jien nemmen li aħna konna privileġġjati li twelidna fi żmien fejn mara għandha lehen u opprotunitajiet relattivament ugwali, avolja baqa’ ħafna x’naqdfu. Importanti li nibqgħu niċċelebraw Jum il-Mara iva, għax ma rridux ninsew il- proċess iebes li kellhom jaħdmu għalih in-nisa ta’ qabilna biex ġabuna kif aħna issa.

Sfortunatament, nista’ ngħid li ma niċċlebrawhx kif suppost. Jum il-Mara mhux coffee morning jew happy hour biss. Dan il-jum għandu jkun ‘memorial’ tan-Nisa li bil-ħidma tagħhom għamlu differenza fid-dinja, u għal dawk li ħadmu għad-drittijiet tan-Nisa, għan-Nisa li sfaw vittmi ta’ femmiċidju, u għal Nisa li jaħdmu fil-komunitá biex jgħinu Nisa oħra.

GERALDINE ELLUL MAGRI 

Il-mara għalija għandha rwol importanti ħafna fis-soċjetá speċjalment fejn tidħol il-familja. Il-mara bil-mod il-mod qed tikseb dejjem aktar suċċess speċjalment fil-qasam tax-xogħol. Nemmen li kull mara għandha tiġi apprezzata kuljum għax-xogħol siewi li tagħmel iżda tajjeb li nżommu t-8 ta’ Marzu bħala jum fejn in-nisa jiġu mfakkra b’mod speċjali mhux biss għax ħaqqhom iżda għall-impatt fuq is-soċjetá u għall-imħabba li jħallu madwarhom! Nawgura lin-nisa kollha jum speċjali iżda fuq kollox ħsieb żgħir għal dawk in-nisa li għaddejjin minn kwalunkwe tip ta’ tbatija jew diskriminazzjoni – Kuraġġ u taqtgħu qalbkom qatt!

MAROUSKA AZZOPARDI

Jum il-Mara għalija huwa l-istess bħall-ġranet l-oħra. Jum il-Mara s-sena kollha għalija, imma min irid jiċċelebrah, tajjeb ukoll! Jien niċċelebrah jumejn qabel fl-okkażjoni ta’ għeluq snini!

SUE ROSSI

Jum il-Mara huwa okkażjoni importanti biex ifakkarna fil-valuri u r-rispett għan-nies ta’ madwarna. Din hija ġurnata ta’ riflessioni biex tibqa’ tiġġieled għall-uġwaljanza.

Iva, għandu jibqa’ jiġi ċċelebrat u tibqa’ ġurnata importanti ddedikata lin-nisa kollha u għandha tinħoloq iktar propaganda spejialment għal dawk in-nisa li jkunu qed jaffaċċjaw problemi ta’ abbuż varju.

CLARA FARRUGIA

Filwaqt li napprezza dan il-jum iddedikat lill-mara, ma nħossx li għandu daqstant sinjifikat għaliex il-mara m’għandhiex biss tiġi ċċelebrata u apprezzata f’dan il-jum iżda fil-jiem kollha tas-sena.

Apparti minn hekk, nemmen ukoll li Jum ir-Raġel, għalkemm jeżisti peró ma jiġix iċċelebrat u ma jingħatax l-istess importanza u għaldaqstant ma nemminx li għandna nagħtu importanza lill-ġeneru aktar minn ieħor. Jien persuna li nemmen ħafna fl-ugwaljanza u għaldaqstant nemmen li kull ġeneru fis-soċjetá jimmerita apprezzament ugwali.

MONALITA BALZAN

Huwa sabiħ li tapprezza l-mara imma ma naqbilx mal-femminiżmu żejjed. Barra minn hekk nemmen fil-kapaċitajiet tal-mara u li tista’ tasal f’kull pożizzjoni imma fl-istess ħin ma niħux gost nara li mara bħal qisha trid tkun raġel. Hemm ħafna karatteristiċi sbieħ u uniċi li ma nixtieqx li jintillfu. Il-karatteristiċi ta’ mara u ta’ raġel huma kombinazzjoni tajba flimkien u mhux kompetizzjoni ta’ xulxin!

Ekonomija

Sport