Hekk kif llum qed jiġi ċċelebrat Jum l-Omm, bosta kienu dawk li ftakru f’dik il-persuna li dejjem uriet imħabba infinita.
Kulħadd jagħmel dan b’diversi modi, sewwa jekk hux permezz ta’ xi rigal jew fjura jew jekk hux xi ħarġa fil-kampanja jew f’xi ristoranti.

Għal oħrajn dan il-jum jista’ ma jkunx daqshekk sabiħ hekk kif forsi għaddejin minn żminijiet diffiċli. Oħrajn iżuru ċ-ċimiterju fejn iqattgħu ftit ħin fis-silenzju biex isellmu lil dawk li ħallewna qabilna bħala sinjal ta’ rispett etern.

L-ommijiet nafu xi rwol importanti għandhom fis-soċjetà tagħna u għalhekk huwa tajjeb li ma napprezzawhomx biss f’jum wieħed imma napprezzawhom tul is-sena kollha.

Fost dawk li rrifletta fuq dan il-jum kien hemm il-Psikologu Nicholas Briffa fejn qal li Jum l-Omm jista’ jkun iebes għal ħafna nisa – ommijiet li tilfu t-tfal, xi wħud li qatt ma twieldu (eż korrimenti), ukoll dawk minna li tilfu lil ommijiethom, ommijiet li huma mifruda minn uliedhom, ommijiet li qegħdin irabbu waħedhom u li jħossuhom iżolati.
Qal li Jum l-Omm hija ġurnata dedikata għall-imħabba, għall-kura u għall-ġid u għalhekk tajjeb li nxerrdu l-imħabba madwar l-ommijiet u dawk li huma figuri materni fil-komunità tagħna (inkluż żijiet u sorijiet).

Ritratti: Roger Azzopardi