Wara episodji fejn Liverpool ġew imċaħħda minn dak li dehru penalties ċari kontra Manchester United u Arsenal, il-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, wera r-rabja tiegħu fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ wara r-rebħa ta’ 2-0 fuq Burnley, f’Turf Moor.
Dan minħabba li r-Reds kellhom żewġ goals imħassra li, skond il-coach Ġermaniż, kienu leġittimi.
Peró l-aktar li Klopp aċċenna fuqu kien il-goal ta’ Harvey Elliot li bih Liverpool irduppjaw fejn setgħu jamministraw il-logħba aħjar.
Il-goal ma ġiex konvalidat minħabba li, skond ir-referee Paul Tierney, Mohamed Salah kien jinsab f’pożizzjoni li kien qed jostakola l-viżjoni tal-goalkeeper avversarju. Peró, il-winger ta’ Liverpool kien litteralment imbottat minn difensur avversarju biex waqa’ fil-pożizzjoni ta’ offside.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima, Liverpool kellhom goal ta’ Cody Gakpo mħassar għal foul ineżistenti ta’ Darwin Nunez fuq Charlie Taylor fil-proċess tal-azzjoni. Iżda r-replays urew li ma kien hemm l-ebda kuntatt bejn iż-żewġ players.
Klopp kien kritiku għall-kontroll ta’ Tierny fejn qal:
“Onestament ma nistax nifhem. Dan il-bniedem (ir-referee), jekk qatt ma lagħab il-football, allura kollox jista’ jseħħ … kif fil-fatt ġara.
“Dak il-ħin kien messu ħareġ il-ktieb tar-regoli tal-offside u jfittex fuq paġna 7.
“Għaliex ir-referees joħolqu l-opinjoni tagħhom stess dwar xi ħaġa loġika? Aħna lkoll neħtieġu lir-referees, iżda għandna bżonnhom bl-interpretazzjoni tajba tar-regoli. Kif qatt seta’ jħassar il-goal f’dik is-sitwazzjoni? Kien goal ċar u wieħed leġittimu.
“Handball fil-kaxxa huwa handball fil-kaxxa. U mbagħad hawn min jagħti l-interpretazzjoni tiegħu billi jsemmi kull anglu biex isostni l-argumenti tiegħu.”