Wednesday, July 24, 2024

Min kienu l-aqwa skorers madwar id-dinja fl-2023

Aqra wkoll

Stilel minn Manchester City, Paris St-Germain u Bayern Munich kollha jidħlu fil-klassifika tal-aqwa 10 skorers madwar il-football dinji għas-sena kalendarja tal-2023.

Bi ftit jiem biss għat-tmiem tas-sena, ikun interessanti ħafna li wieħed janalizza min huma l-aqwa 10 skorers … li, bla dubju, huma familjari mad-dinja tal-football. 

It-tieni post huwa maqsum bejn l-Ingliż, Harry Kane u l-Franċiż Kylian Mbappe, bi 52 goal filwaqt li l-attakkant Portugiż, Cristiano Ronaldo, huwa l-aqwa skorer ta’ din is-sena kalendarja hekk kif skorja goal aktar. 

Il-lista tal-aqwa 10 skorers hija:

10. LAUTARO MARTINEZ – 37 GOALS

Minkejja li naqas li jiskorja għall-Arġentina s-sena kollha, Martinez kien f’forma prolifika għal Inter. Il-player ta’ 27 sena bħalissa qed jillidja l-lista tal-iskorers tas-Serie A bi 15-il goalmatul dan l-istaġun biss.

9. BARNABAS VARGA – 38 GOALS

Qabel l-istaġun li għadda, Varga qatt ma kien skorja aktar minn 15-il goal matul staġun wieħed. Madankollu, dan l-attakkant Unge­riż sar aktar pro­lifiku matul l-2023.

Varga impressjona ma’ Paks fl-istaġun li għadda fejn eventwalment rnexxielu jingħaqad maċ-champions Ungeriżi, Ferencvaros. Bi 38 goal fl-2023 s’issa, Verga jistħoqqlu post f’din il-lista.

=7. ROMELU LUKAKU – 39 GOALS

Minkejja li kien milqut minn bosta injuries, Lukaku xorta waħda jikklassifika bħala wieħed mill-aktar skorers prolifiċi fid-dinja.

L-attakkant Belġjan diġà skorja 12-il goal dan l-istaġun għal Roma, għalkemm parti kbira tal-goals tiegħu waslu fix-xena internazzjonali.

Mid-39 goal li skorja Lukaku fl-2023, 39% minn­hom waslu għall-Belġju. Il-player ta’ 30 sena skorja aktar goals minn kwalunkwe player ieħor waqt il-proċess ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 hekk kif regolarment jibbrilla għal pajjiżu.

=7. SANTIAGO GIMENEZ – 39 GOALS

Minn meta għamel il-bidla għal Feyenoord fis-sajf tal-2022, Gimenez kien f’forma prolifika mill-aqwa. Saħansitra kien qed jiġi segwit minn Arsenal u Chelsea dan l-aħħar, grazzi għar-ritorn impressjonanti tiegħu ta’ goals.

Mid-39 goals li skorja Gimenez din is-sena, 37 minnhom kienu fuq livell ta’ club filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew skorjati għall-Messiku. Hija żgur biss kwistjoni ta‘ żmien qabel ma jingħaqad ma’ wieħed mill-aqwa clubs Ewropej hekk kif qed jiġru wara l-firma tiegħu. 

=5. DENIS BOUANGA – 40 GOALS

Il-fatt li Los Angeles FC waslu sal-finali tat-Tazza MLS kien grazzi għall-goals ta’ Bouanga.

L-eks winger ta’ Saint-Etienne kien wieħed mill-aktar players li impressjonaw fil-kampjonat Amerikan matul din is-sena bil-konsegwenza li skorja 38 goals fil-kompetizzjonijiet kollha fil-livell tal-club.

Huwa rnexxielu wkoll jiskorja fil-finali minkejja li spiċċa fuq in-naħa telliefa hekk kif  Columbus Crew ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. 

Bouanga skorja wkoll żewġ goals fix-xena internazzjonali għal Gabon, u b’hekk l-ammont totali tiegħu wasal għal 40.

=5. GERMAN CANO – 40 GOALS

Filwaqt li l-lista tal-aqwa skorers tal-2023 hija dominata minn players li bħalissa qed jilagħbu fl-Ewropa, l-attakkant tal-Flumi­nense, Cano, irnexxielu jkisser dan il-mono­polju.

Il-player ta’ esperjenza ta’ 35 sena skorja ‘l fuq minn 280 goal fil-karriera u m’hu qed juri l-ebda sinjal li se jbatti. 

Dan l-aħħar, Cano laħaq il-quċċata tal-kar­riera tiegħu billi rebaħ il-Copa Libertadores ma’ Fluminense.

4. ERLING HAALAND – 50 GOALS

Ir-robot Norveġiż kiser kull xorta ta’ rekords ta’ goals matul l-istaġun debuttanti tiegħu fil-Premier League u kellu wkoll rwol strumentali f’kampanja storika tar-rebħ tat-Treble ta’ Manchester City. 

Mil-lat ta’ goals, Haaland prattikament m’għandu l-ebda dgħufija. L-attakkant tas-Ci­tizens skorja 50 goal f’din is-sena kalendarja fl-etá tenera ta’ 23 sena fejn għandu futur kbir quddiemu. 

=2. KYLIAN MBAPPE – 52 GOALS

B’Lionel Messi u Neymar issa barra mill-istam­pa ma’ Paris St-Germain, Mbappe huwa  l-element ewlieni fil-kapitali Franċiża f’dawn il-jiem. X’aktarx l-aqwa player fid-dinja bħalissa, il-player ta’ 24 sena skorja 52 goal fl-2023 minbarra li pprovda ħafna assists ukoll. 

Għall-ħames darba konsekuttiva, Mbappe rebaħ iż-Żarbun tad-Deheb ta’ Ligue 1 u bħalissa jinsab ukoll fit-triq it-tajba biex jirbaħ is-sitt wieħed. Meta jkun fl-aqwa tiegħu l-ebda difiża ma żżommu. 

=2. HARRY KANE – 52 GOALS

It-tluq ta’ Kane minn Tottenham Hotspur fis-sajf li għadda deher inevitabbli u l-captain tal-Ingilterra qatt ma ħares lura minn meta ffirma ma’ Bayern Munich. L-aħħar wirja tiegħu kontra VfB Stuttgart bagħtet lil Kane fil-quċċata tal-lista tal-iskorers bi 52 goal f’din is-sena ka­lendarja. 

Flimkien mal-forma prolifika tiegħu fil-livell tal-clubs, Kane qed ikompli jwassal il-messaġġ tiegħu fix-xena internazzjonali. 

Disgħa mit-52 goals tiegħu fl-2023 ġew skorjati għall-Ingilterra, filwaqt li t-43 li kien fadal ġew skorjati għal  Tottenham Hotspur u Bayern Munich.

1. CRISTIANO RONALDO – 53 GOAL

Proprju nhar it-Tlieta li għadda, Ronaldo skor­ja doppjetta fir-rebħa ta’ Al-Nassr fuq Al-Ittihad bl-iskor ta’ 5-2 … biex qabeż fil-quċċata ta’ din il-lista. 

Minkejja li dan l-attakkant Portugiż għandu 38 sena, huwa għadu jpaxxi lil min imur jarah biex jagħmlu wieħed mill-aqwa players ta’ kull żmien fl-istorja tal-football mondjali. 

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-players jirtiraw meta jaqbżu l-35 sena, CR7 jidher li huwa għat­xan aktar minn qatt qabel biex ikompli jkabbar ir-rekords infiniti tiegħu. 

Huwa jieħu ħsieb ġismu aħjar minn kull sportiv ieħor u mhux ta’ b’xejn li rnexxielu jgħaddi t-test taż-żmien … u huwa l-idolu ta’ partitarji madwar id-dinja.

Ekonomija

Sport