Saturday, May 4, 2024

Justine Shorfid… Rivelazzjoni assoluta fix-xena tal-mużika lokali

Aqra wkoll

Nitkellmu ma’ Justine Shorfid – runner-up waqt l-aħħar edizzjoni ta’ X Factor Malta li bit-talent u l-umiltà tagħha serqet il-qlub tal-poplu Malti li segwiha ta’ kull ġimgħa bl-eluf.

Minn CRISTIAN MUSCAT

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika?

Kont għadni żgħira meta nġbidt lejn id-dinja tal-mużika. Niftakar li minn dejjem kont ferħana meta kont inkanta. Anke lil ommi mal-ewwel urejtha li l-mużika kienet se tkun it-triq tiegħi għal quddiem. Inħoss li ħajti nbidlet bil-mużika u llum il-ġurnata ma nimmaġinax ruħi mingħajrha.

Taħseb li fil-futur tista’ tgħix bil-mużika?

Jien għandi fiduċja li dan kollu jista jseħħ. Fil-preżent għandi ħsieb li nkompli l-iskola għax kelli nieqaf ftit minħabba l-impenji li kelli bl-X Factor Malta. Issa f’Settembru li ġej se nerġa’ naqbad il-basket tal-iskola u l-kotba sabiex inkompli bl-istudji tiegħi. Xorta se nżomm il-mużika bħala passatemp għalkemm kif saqsejtni tajjeb int, nixtieq nagħmel karriera bil-mużika iżda kollox pass pass.

Għandek ħsieb li tmur barra minn Malta sabiex tkompli l-karriera mużikali f’xi pajjiż?

Iva fil-fatt dan hu wieħed mill-objettivi tiegħi fil-futur. Naf li mhux se tkun faċli iżda hi ħolma li nixtieq nagħmilha realtà. Bla dubju li meta int tgħix barra minn pajjiżek hi sfida iżda meta taf li int se twettaq il-ħolma personali tiegħek, ħadd u xejn ma jwaqqfek.

Kif iddeċidejt li tieħu sehem fl-X Factor Malta?

Nista’ ngħidlek li minn dejjem kienet ħolma tiegħi li nieħu sehem f’dan il-kuntest tant popolari madwar id-dinja. Kont insegwi dan il-programm minn fuq it-televiżjoni speċjalment dak li jsir fir-Renju Unit.

Meta ġie Malta kont fis-seba’ sema għax bdejt ngħid li sa fl-aħħar stajt nipparteċipa jien ukoll. Inħoss li X Factor Malta kienet l-isbaħ ħaġa li qatt ġratli f’ħajti.

Meta applikajt kelli nistenna anke sakemm aċċettaw il-prova tiegħi. Tista’ taħseb kemm kont eċitata li kont ntgħażilt. Kienu jiem ferm eċitanti u li komplew jisbieħu dejjem aktar meta bqajt nikkwalifika minn prova għall-oħra.

Kont tobsor li se tasal sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni?

Lanqas xejn ma kont nobsor. Minkejja li ommi dejjem emmnet fija, jien xorta kont dubjuża li se nagħmilha sal-aħħar. Tista’ timmaġina kif kont meta bdew jgħajtu ismi u komplejt ngħaddi minn prova għall-oħra. Kont qisni qed ngħix f’ħolma. Kienet xi ħaġa sabiħa li mhu se ninsieha qatt.

Int kellek lil Ira Losco bħala l-mentor tiegħek. Kemm għenitek din il-kantanta prestiġġjuża u anke brava?

Kull min ikollu lil Ira Losco bħala l-mentor tiegħu jista’ jqis ruħu bħala xxurtjat. Hi tatni preparazzjoni mill-aqwa u għal din ir-raġuni nħossni grata lejha. Grazzi għaliha li kont kunfidenti daqshekk fuq il-palk. Hi emmnet fija u jien xtaqt inpattilha lura b’wirja tajba. Hi dehret kuntenta b’dak li rnexxieli nagħmel.

M’hemmx xi ngħidu, il-pandemija tal-COVID-19 ħarbtitlek mhux ftit il-pjanijiet li kellek hux hekk?

Iva dażgur! Kelli xi giggs ippjanati filwaqt li kont se nkanta wkoll f’tiġijiet. Kollox tar mar-riħ. Iżda jien ma naqtax qalbi għax jiġu aktar opportunitajiet.

Fl-istess waqt l-importanti li kulħadd kien miġbur f’daru minħabba li dak iż-żmien il-pandemija laħqet lil Malta wkoll u ridna nobdu l-awtoritajiet tas-saħħa sabiex din il-marda ma tinxteridx iktar. Jien tlabt lil Alla sabiex jiskansana minn din il-marda għax nemmen ħafna fiH.

Kif inbidlet ħajtek wara li ħadt sehem b’suċċess fl-X Factor Malta?

Bla dubju li ħajtek tinbidel. Ħafna nies iwaqqfuni fit-triq u jgħiduli li rawni waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ X Factor Malta. Kulħadd beda jifraħli u jagħmilli kuraġġ u din għalija kien rikonoxximent kbir li s-sagrifiċċji li għamilt ma kinux ta’ xejn. Napprezza dak kollu li qaluli wkoll fuq il-mezzi soċjali minħabba li rċevejt ħafna messaġġi.

Jien minn dejjem inżomm saqajja mal-art u umilment nirringrazzja lill-poplu Malti tas-sapport li tani f’dawk il-ġimgħat ferm eċitanti.

Rajtek tinterpreta diversi kanzunetti b’mod tajjeb iżda żgur li Man Down kienet dik id-diska li kantajt b’enerġija kbira hux hekk?

Iva nista’ nikkonferma dak li qed tgħid. Id-diska Man Down kantajtha b’enerġija kbira u naħseb dak il-mument kien l-isbaħ ħaġa li qatt ġratli f’ħajti. Kont qisni qed ngħix f’ħolma li madankollu saret realta’. Ħadt gost fuq il-palk u kont verament komda. Kien il-mument tiegħi u ma xtaqtx nitilfu. Għalhekk tajt l-aqwa tiegħi u naħseb li sa ċertu punt irnexxieli.

Kemm taħseb li kantant Malti hu rikonoxxut illum il-ġurnata?

Jien ngħid li kull kantant jew kantanta lokali għandha l-valur tagħha. Kulħadd għandu t-talenti tiegħu. Kulħadd għandu x’joffri.

Jien ngħid li Malta hi mogħnija b’kantanti ta’ talent. Irridu nibżgħu għalihom filwaqt li nagħtuhom kuraġġ sabiex ikomplu f’din il-karriera.

Stajt nara li f’X Factor Malta kien hemm ambjent ta’ familja aktar milli wieħed kompetittiv. Korrett fl-analiżi tiegħi?

Iva korrett mija fil-mija. Kellna ambjent ta’ familja u konna niċċajtaw flimkien. Tgħannaqna ma’ xulxin fi tmiem dan il-kuntest. Kont kuntenta għal Destiny Chukunyere li rebħet din l-edizzjoni.

Illum il-ġurnata sirna ħbieb u mhux darba jew tnejn li noħorġu flimkien.

X’se jkun il-futur ta’ Justine Shorfid?

Żgur li kif għedtlek għandi nkompli l-istudji tiegħi f’Settembru li ġej. Il-mużika mhux se tonqos għax mingħajrha nħossni vojta. Għad għandi 17-il sena u nħoss li għad fadalli ħafna x’nitgħallem. Għalhekk se nkompli naħdem dejjem aktar għax aktar xogħol u dedikazzjoni ifissru aktar suċċess.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk kollha li qed jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant.

L-ewwel u qabel kollox ngħidilhom sabiex jemmnu fihom infushom għax minn hemm jibda kollox. Imbagħad irid ikun hemm ħafna xogħol sabiex taħdem għal din il-ħolma. Eventwalment kollox jiġi waħdu.

Sport