Monday, December 23, 2024

Juventus f’kaos: Jirriżenja l-bord kollu tad-diretturi

Aqra wkoll

Il-bord tad-diretturi kollu ta’ Juventus irriżenja b’mod immedjat biex xeħet lill-club f’kaos totali. 

Il-President Andrea Agnelli u l-viċi chairman, Pavel Nedved, irriżenjaw ukoll b’Agnelli jitlaq wara li kien ilu jmexxi lill-club għal dawn l-aħħar 12-il sena. 

Id-direttur maniġerjali Maurizio Arrivabene ta r-riżenja tiegħu waqt laqgħa straordinarja li saret b’urġenza tard it-Tnejn filgħaxija. Peró, għalissa huwa se jibqa’ jieħu ħsieb id-dover amminstrattiv.

Il-membri tal-bord li se jħallu posthom huma Laurence Debroux, Massimo Della Ragione, Kathryn Fink, Daniela Marilungo, Francesco Roncaglio, Giorgio Tacchia u Suzanne Heywood. 

Fix-xhur li ġejjin se jinħatar bord ġdid, b’Juventus issa se jiddeċiedu kif iridu jirristrutturaw il-club.

L-istaġun 2021-22 ra  telf rekord ippubblikat mill-belt ta’ Turin li jammonta għal €254.3 miljuni.

Għalkemm il-club ma kkonfermax l-exodus tal-membri tal-bord, il-Bianconeri kkonfermaw li laqgħa tal-azzjonisti li kellha ssir fit-23 ta’ Novembru kienet tmexxiet għas-27 ta’ Diċembru li ġej.

Stqarrija li ġiet ippublikata t-Tnejn filgħaxija kienet tgħid:

“Illum, Juventus Football Club S.p.A. qed jippubblika informazzjoni finanzjarja pro-forma biex tikkonforma mar-riżoluzzjoni tad-19 ta’ Ottubru 2022, li hija konformi skond l-artiklu 154 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru. 58/1998 (“TUF”).

“Sabiex tiġi żgurata trasparenza massima u żmien adegwat għall-azzjonisti biex jeżaminaw l-informazzjoni msemmija hawn fuq, il-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija, li ltaqa’ llum (it-Tnejn), iddeċieda li jipposponi l-Laqgħa tal-Azzjonisti, li qabel kienet skedata għat-23 ta’ Novembru 2022, għas-27 ta’ Diċembru 2022.”

Ekonomija

Sport