Friday, December 20, 2024

KABINETT LI JĠEDDED U JSAĦĦAĦ IL-ĦIDMA TA’ GVERN LABURISTA

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela bil-bidliet li wettaq fil-Kabinett fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, daħħal uċuħ ġodda u żgħażagħ. Fi kliem il-Prim Ministru nnifsu, il-Kabinett issa huwa magħmula minn taħlita ta’ esperjenza, ta’ nies li ilhom fil-politika u oħrajn li huma relattivament ġodda fil-politika u dan se jwassal għal sinerġija u aktar dinamiżmu u enerġija fit-twettiq tal-ħidma tal-Gvern u fl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali. 

Minkejja li ħafna qiesu t-tibdil li wettaq il-Prim Ministru bħala sopriża b’danakollu kull Prim Ministru għandu l-prerogattiva li jaħtar u jbiddel membri fil-Kabinett meta jidhirlu xieraq. Dan isir dejjem fi sfond ta’ tiġdid u tisħiħ tal-ħidma tal-Gvern. Għalhekk nistennew li b’dan it-tibdil jiżvolġu ideat ġodda biex il-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem birr-ritmu li qabad. 

It-tibdil li twettaq minnu nnifsu jirrifletti wkoll l-importanza taċ-ċaqliq li sar fid-dekasteri ta’ wħud mill-Ministri. Sinjifikanti kien il-fatt illi d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li kellu l-portafoll tas-saħħa, issa sar magħruf li se jkun in-nominat ta’ Malta għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew. Dan se jaħbat mal-20 anniversarju minn meta Malta saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. 

Kif kien mistenni l-Oppożizzjoni ħarġet tikkritika dan ir-reshuffle tant li waslet biex qalet li t-tibdil kien biss minimu u kożmetiku. Saħansitra waslu biex jispekulaw dwar ċertu membri oħra tal-Kabinett. 

Dawn donnhom insew li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, il-Prim Ministri ta’ dak iż-żmien kienu wkoll wettqu tibdil kif dehrilhom mhux biss fid-dekasteri ta’ Ministri imma wkoll it-tneħħija ta’ ċertu Ministri. Għadna niftakru t-tneħħija ta’ ministru partikulari li kien ġie nfurmat li ma baqax fil-kariga permezz ta’ messaġġ fuq it-telfon ċellulari. Allura bl-istess argument dak it-tibdil kien kożmetiku?

Quddiem dan kollu, kollox irid jittieħed fil-kuntest tiegħu u lil hinn mill-politika partiġġjana għandna nassiguraw illi l-ħidma tal-Gvern tkompli tkun fl-aħjar interess tal-poplu u li jkun ikkonsolidat it-tkabbir tal-ekonomija li jwassal għal aktar ħajja diċenti tan-nies l-aktar ta’ dawk bl-inqas dħul jew li huma vulnerabbli fis-soċjetà.

Aħna konvinti li l-Kabinett kif inhu ffurmat illum se jkompli jwettaq ħidma fejjieda biex il-pajjiż tagħna jsir dejjem aħjar u aktar milli diġa hu. 

Ekonomija

Sport