Sunday, October 27, 2024

Kaċċatur ikkundannat sena u tmien xhur ħabs wara li ammetta li spara fuq kaċċatur ieħor

Aqra wkoll

Kaċċatur ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żabbat ġie ikkundannat 20 xahar ħabs u mmultat €7,000 wara li fil-Qorti ammetta li spara u weġġa’ kaċċatur ieħor.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Gabriel Kitcher spjegat kif l-imputat, Simon Camilleri kien akkużat li għamel użu minn arma tan-nar mingħajr ma għandu liċenzja u li spara fuq speċi li kienet protetta.

Camilleri kien akkkużat ukoll li spara fuq kaċċatur ieħor, bil-konsegwenza li dan kien qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief. Fil-Qorti, ġie nnutat li l-imputat deher imbikkem, b’xi drabi anke jibki u mfarraġ minn ommu li kienet prezenti fl-awla.

Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranci, Camilleri wieġeb li huwa ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih. Wara li wieġeb li huwa ħati, tkellemet il-Prosekuzzjoni fejn ġie spjegat li l-imputat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u ammetta fi stadju bikri.

Min-naħa tagħha, id-Difiża spjegat li dakinhar li l-imputat spara fuq il-kaċċartur l-ieħor, dan kien qiegħed jiġbor il-bebbux ma’ missieru. Irrimarkat li minkejja li l-kaċċa kienet togħoġbu ħafna lil Camilleri, l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li dan se joħorġu għall-kaċċa.

L-Avukat Yanika Barbara Sant li dehret għall-imputat sostniet li l-imputat iddispjaċih ħafna għall-azzjonijiet tiegħu u li qatt ma kellu intenzjoni li jweġġa’ lil xi ħadd. L-Avukat Sant spjegat li r-raġel inzerta kien fl-għalqa tal-familja tiegħu u meta lemaħ ħamiema l-istint tah li jispara.

Hija żiedet li Camilleri ma kienx konxju li kien hemm xi ħadd ieħor fil-viċinanzi u sostniet li -arma tan-nar ma kinitx tiegħu iżda kienet reġistrata fuq missieru u dan juri biċ-ċar li l-inċident ma kienx ippjanat.

L-Avukat Barbara Sant irrimarkat li l-imputat intlaqat ukoll b’seba’ biċċiet ta’ ċomb sparati minn kaċċaturi oħra u għal din id-dikjarazzjoni l-omm qabżet u nstemgħet tgħid “sparaw biex joqtluh”.

Fl-aħħar tas-seduta, il-Maġistrat Lanfranco kkundannat lil Camilleri 20 xahar ħabs flimkien ma’ multa ta’ €7,000. Il-Qorti ordnat ukoll li l-arma tan-nar użata tiġi kkonfiskata u ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fuq perjodu ta’ sentejn favur il-vittma.

Sport