Sunday, December 22, 2024

KAMPANJA POŻITTIVA T’GĦARFIEN GĦALL-PUBBLIKU

Aqra wkoll

Minn żmien għall-ieħor f’pajjiżna jkunu organizzati kampanji ta’ għarfien dwar diversi suġġetti fosthom kundizzjonijiet mediċi li ma jistgħux jiġu njorati. Dan ix-xahar qed issir il-kampanja magħrufa bħala Pink October bilgħan li tħeġġeġ lin-nies jiċċekkjaw lilhom infushom u jżomm ruħhom attivi kemm jista’ jkun. Kampanja intenzjonata l-iktar biex tkabbar l-għarfien dwar il-mard tas-sider fost in-nisa u l-irġiel

Dan it-tip ta’ kanċer huwa fost l-aktar komuni fin-nisa madwar id-dinja kollha. Malta m’hix eċċezzjoni. Madwar 300 mara f’pajjiżna jiġu maħkuma minn din il-marda kull sena. Għaldaqstant li wieħed jgħix stil ta’ ħajja sana tista’ tgħin ħafna biex jonqos ir-riskju li jiżviluppa l-kanċer tas-sider.

Huwa proprju għalhekk li f’dan ix-xahar isiru diversi appelli biex in-nisa jiċċekkjaw lilhom infushom billi iktar ma każi bħal dawn jinqabdu kmieni, ikbar huwa ċ-ċans li l-marda mhux biss ma tkomplix tinfirex imma wkoll titfejjaq. 

Hawn ninnutaw li aktar nisa qegħdin iwieġbu għas-sejħa li qiegħda ssirilhom u jmorru jagħmlu t-testijiet meħtieġa. Ta’ min għalhekk ifaħħar l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu u anke l-investiment li qed isir f’tagħmir modern u f’teknoloġija avvanzata fi kliniċi tal-gvern li qed iwasslu sabiex dawn il-każi jinqabdu aktar malajr.

Bl-istess mod ma nistgħux ma nsemmux l-attivitajiet li jsiru sabiex jinġabru fondi b’risq din il-kampanja Pink October. Għalhekk inħeġġu għal aktar parteċipazzjoni tal-pubbliku f’kampanji bħal dawn li wara kollox l-għan tagħhom huwa li l-poplu jibqa’ f’saħħtu.

Minn dawn il-kolonni, nappoġġjaw bil-qawwa kollha l-ħidma li jwettqu bosta voluntiera u organizzazzjonijiet fosthom il-Fondazzjoni Marigold u l-Action for Breast Cancer Foundation li jistinkaw biex kampanji bħal dawn ikabbru l-għarfien fost il-poplu kollu, partikolarment fost dawk li sfortunatament ikunu maħkuma jew milquta minn din il-marda kiefra. Is-servizzi qegħdin hemm biex jintużaw minn kulħadd.

Ekonomija

Sport