Malta………………….1
Rumanija…………….1
Wara t-telfa kbira 5-0 kontra r-Repubblika Ċeka fl-ewwel logħba minn Grupp B6 tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew tan-Nisa ta’ taħt id-19-il sena tal-UEFA 2027, it-team Malti ta wirja qalbiena u kiseb punt b’goal drammatiku fl-aħħar ħinijiet tal-logħba kontra r-Rumanija fis-Centenary Stadium.
Malta bdiet b’mod promettenti, u wriet attitudni offensiva hekk kif fittxet l-ewwel goal tal-partita tant li fis-16-il minuta, Crista Chetcuti Ganado sabet spazju fil-kaxxa l-kbira, iżda x-xutt tagħha ġie mblukkat.
Malta kompliet iżżid il-pressjoni fuq id-difiża Rumena, u fis-26 minuta, Nina-Lee Naudi ħadet il-ballun f’nofs il-ground qabel ma fajjret xutt li ġie salvat faċilment minn Rebeca Achitei.
Fid-29 minuta, ir-Rumeni ħarġu fuq l-attakk u bil-ballun jispiċċa f’saqajn Tanya Maier hija ppruvat xortiha b’xutt b’saħħtu minn distanza twila, iżda l-ballun għadda fuq il-lasta l-mimduda.
Malta ngħatat free-kick mid-distanza fil-31 minuta, u kienet Amy Catania li ħadet l-inkarigu. Hija laqtet il-ballun tajjeb, iżda t-tentattiv tagħha ġie salvat mill-goalkeeper Rumena.
L-ebda team ma rnexxielu jsib il-goal tal-vantaġġ fl-ewwel taqsima, u għalhekk l-iskor baqa’ ma nfetaħx.
Ir-Rumanija bdiet it-tieni taqsima fuq l-attakk u kienet viċin li tiftaħ l-iskor fil-51 minuta, meta Carina Raducu laħqet il-ballun l-ewwel fil-kaxxa, iżda x-xutt tagħha ġie salvat b’mod eċċellenti minn Maya Muscat.
Iżda r-Rumanija fetħet l-iskor fis-56 minuta, meta Carina Raducu għamlet ġirja veloċi fuq ix-xellug; għalkemm Muscat irnexxielha tbiegħed ix-xutt inizjali, il-ballun waqa’ f’saqajn Maria Olah, li tefgħet il-ballun fix-xibka mill-viċin.
Fit-80 minuta, ir-Rumanija setgħet irduppjat il-vantaġġ meta l-ballun reġa’ waqa’ f’saqajn Olah, iżda Muscat wettqet save kbir b’reazzjoni veloċi, u dawret il-ballun ’il fuq mil-lasta.
Malta kienet viċin ħafna li ġġib id-draw fil-85 minuta meta, minn free-kick. Catania laqtet il-ballun b’mod mill-isbaħ b’effett li ħabat mal-lasta, qabel ma d-difiża Rumena rnexxielha tbiegħed il-periklu. Iżda Malta rnexxielha tikseb il-goal tad-draw fl-aħħar mumenti tal-logħba: wara corner ta’ Kay Axiak, kienet Crista Chetcuti Ganado li bir-ras tefgħet il-ballun fix-xibka, u b’hekk kisbet punt drammatiku għal Malta.
Malta tilgħab l-aħħar logħba nhar it-Tnejn li ġej, kontra l-Każakstan li tibda fin-12.30 pm bħal ma tibda wkoll il-logħba bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Rumanija.
Malta: 1 Maya Muscat, 2 Amy Catania, 4 Amber Galea, Capt (5 Krista Sacco, 80), 6 Madison Grace Cachia, 7 Lisa Calleja (13 Gloria Cassar, 80), 9 Crista Chetcuti Ganado, 10 Kay Axiak, 11 Thais Muscat (18 Edeson Grixti, 80), 14 Nina-Lee Naudi, 15 Alanah Ghio, 20 Olivia Nazarko – Coach: Melania Bajada.
Rumanija: 12 Rebeca Achitei, 2 Lorena Mihailesc (19 Aida Bucsa, 46), 3 Nathalie Stoicescu, 4 Irina Cicos, 5 Sara Bortea (C), 8 Tania Noje (14 Sophia Daniela Glatter, 46), 9 Andreea Candea (11 Maria Olah, 46), 13 Sophie Cojanu (7 Corina Colibaba, 63), 16 Tanya Maier, 17 Anabelle Nombot (20 Carina Raducu, 46), 18 Jeacqueline Craiovan – Coach: Constantin Olariu
Referee: Melissa Burgin (Ingilterra).
Ammoniti: Anabelle Nombot (R), Amy Catania (M).





