Thursday, December 26, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Alex Borg eliminat fil-fażi tal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Dalgħodu Alex Borg ma rrnexxielux jibqa javvanza għall-kwarti finali Kampjonat Ewropew tas-Snooker fil-kategorija tas-Seniors meta tilef kontra l-Iskoċċiż Craig Barber.

F’din il-fażi l-logħob kien mill-aħjar minn seba’ frames u Barber mill-ewwel ħa l-vantaġġ għalkemm wara kull frame mitluf Borg dejjem irnexxielu jirrispondi u jġib l-iskor indqas. B’hekk il-logħba marret għas-seba’ u l-frame deċiżiv fejn għal darb’oħra Barber mill-ewwel ħa l-vantaġġ u rrnexxielu jikkontrolla sat-tmiem biex rebaħ bil-punteġġ ta’ 4-3 (11-58, 58-14, 34-66, 72-38, 63-70, 66-11 u 14-68).

Issa li l-Maltin kollha ġew eliminati mill-kategorija tas-Seniors l-attenzjoni ddur fuq il-kompetizzjoni tas-6 Reds fejn flimkien mat-tlieta li ħadu sehem fil-jiem li għaddew, Alex Borg, Arthur Cachia and Philip Ciantar, jidħol ukoll mal-kontinġent Malti, ċ-champion lokali Aaron Busuttil.

Għada ssir il-fażi tal-gruppi ta’ din il-kompetizzjoni tas-6 Reds biex b’hekk il-105 player irreġistrati li ġew mqassma f’35 grupp iridu jilgħabu darbtejn fl-istess jum. Din il-kompetizzjoni hija miftuħa kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.

Alex Borg għada jilgħab kontra l-Bulgaru Dimo Angelov u Berat Jashari tal-Maċedonja ta’ Fuq, Arthur Cachia kontra t-Taljan Tiziano Guerra u Marcin Nitschke tal-Polonja, Philip Ciantar kontra l-Irlandiż Mark Tuite u Cosmin Arsene tar-Rumanija. L-avversarji ta’ Aaron Busuttil ser ikunu l-Belġjan Pascal Tollenaere u Markeliano Dibra tal-Albanija.

F’din l-fażi tal-kompetizzjoni is-6 Reds tintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames.

Ekonomija

Sport