Monday, October 14, 2024

BIDLIET IMGĦAĠĠLA WISQ?

Aqra wkoll

Lil hinn mill-battibekki politiċi, niltaqa’ ta’ spiss ma’ nies li huma mħassba bil-bidliet (għalihom kbar) li jinsabu għaddejja. Mhux fit-tmexxija tal-gvern, imma fil-ħajja ta’ madwarhom. Hemm il-kwistjoni tat-traffiku li kull riċerka tal-opinjoni qed turi li hemm ħafna dwejjaq dwarha, speċjalment kemm ilhom jispissjaw l-aċċidenti.

Biss, il-bidliet fil-popolazzjoni biż-żieda qawwija ta’ barranin qed iqajmu tħassib li mhuwiex jitkebbes minħabba l-istqarrijiet publiċi li saru dwar hekk minn personalitajiet publiċi. Hu tħassib li jirrifletti l-esperjenza diretta ta’ ċittadini huma u jgħixu ħajjithom. Fil-ħwienet, fit-toroq, fil-blokok ta’ appartamenti residenzjali.

Sa ftit taż-żmien ilu dat-tħassib kont inqisu ftit jew wisq razzjali, dirett l-aktar lejn il-barranin Afrikani jew Għarab fostna. Jekk kien tassew hekk, m’għadux. Illum hu mmirat lejn il-barranin kollha, li f’temp ta’ ftit żmien, qed jibdlu bil-preżenza tagħhom il-karattru ta’ lokalitajiet sħaħ.

Tqum il-mistoqsija dwar jekk f’dal-qasam apparti jekk il-bidliet kinux u għadhomx kbar, humiex ukoll qed ikunu wisq imgħaġġla.

NIĊEĊ EKONOMIĊI

Naraha ħaġa faċli, x’aktarx ovvja, tgħid li l-ekonomija tagħna jeħtiġilha tiskopri niċeċ ġodda fejn tespandi. Madankollu, iridu jsiru żewġ affarijiet talanqas qabel nistgħu nibdew l-iskoperti.

L-ewwel irridu nħarsu lejn is-setturi li diġà għandna biex naraw fejn qed ifallu, fejn jirnexxu, fejn għad baqagħlhom ħajja siewja, fejn le. Dwarhom trid issir ħidma biex fejn għadhom tal-akbar siwi, bħal fl-industrija u fit-turiżmu, jingħataw l-attenzjoni u r-riżorsi meħtieġa biex ikomplu jiżviluppaw.

It-tieni, fit-tiftix għal oqsma “ġodda” irridu jkollna xi boxxla dwar kemm żmien qed nagħtu biex naslu għalihom, x’riżorsi se jkunu disponibbli biex dil-ħidma titwettaq tajjeb u min se jkunu l-persuni li jistgħu jidderieġu l-proċess. Punti hekk ma jistgħux jiġu deċiżi b’daqqa ta’ pinna.

TAGĦNA T-TAJJEB!

Ta’ spiss wieħed jibqa’ mistagħġeb b’kif ħafna minna… jew aħjar aħna lkoll… nsibu kull raġuni biex nirreżistu kwalunkwe bidla f’li mdorrija nagħmlu.

Dan jiġri fil-ħajja ta’ kuljum u fil-mod kif jitmexxew l-affarijiet publiċi u privati. Anke meta dawn ikunu sejrin ħażin jew anqas sew minn qabel, nibqgħu marbuta mad-drawwiet li “writna”. Tagħna t-tajjeb u jekk ta’ ħaddieħor mhuwiex ħażin ħażin wara kollox, xorta tagħna jibqa’ aħjar minnu.

Kien hemm żmien meta kont naħseb li din l-attitudni rabbiet għeruq profondi fost il-Maltin minħabba li f’komunità ċkejkna, bilfors iqum spirtu pjuttost konservattiv biex jissalvagwardja l-identità tagħha u jżomm koerenza fost il-membri.

Kif erġajt stajt nosserva fil-Parlament Ewropew, anke individwi li ġejjin minn soċjetajiet wisq akbar jibdew u jkomplu b’attitudni simili. Fosthom mhux l-anqas il-Ġermaniżi u l-Franċiżi.

Sport