Wednesday, May 20, 2026

Aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet: Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura Ġnien it-Tfal Qriema f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u fil-preżenza tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, inawgura Ġnien it-Tfal Qriema, f’Ħal Qormi.

Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €1.9 miljun, li l-parti l-kbira tiegħu ġiet iffinanzjata mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali, l-NDSF, kif ukoll minn INDIS Malta. Il-ġnien, li hu mifrux fuq 3,600 metru kwadru, inbidel fi spazju komunitarju b’faċilitajiet moderni, rikreattivi u edukattivi. Ġnien it-Tfal Qriema issa joffri ambjent sabiħ, sigur u inklussiv għall-familji, it-tfal u l-komunità kollha ta’ Ħal Qormi.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-proġett huwa parti minn ħidma usa’ biex jinħolqu aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa fakkar kif ftit jiem ġie magħluq il-ftehim li permezz tiegħu Manoel Island u Forti Tigné ngħataw lura lin-nies u qal li l-istess viżjoni qed titwassal fil-lokalitajiet permezz ta’ proġetti li jagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja.

Huwa qal li dawn huma postijiet fejn in-nies jistgħu jirrilassaw u jgawdu l-komunità tagħhom. Il-ġnien jinkludi wkoll apparat modern tal-logħob, outdoor gym u żona apposta għall-picnics, bil-għan li jħeġġeġ stil ta’ ħajja aktar attiv u b’saħħtu kemm fost it-tfal kif ukoll fost l-adulti. Il-Prim Ministru appella lit-tfal u lill-familji biex igawdu dan l-ispazju u fl-istess ħin jieħdu ħsiebu.

Waqt l-inawgurazzjoni, saret referenza wkoll għal-librerija li tinsab fl-istess ġnien. Din il-librerija ssemmiet għal missier il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, Anthony J. Coleiro edukatur u filantropu. Il-Prim Ministru qal li dan kien ġest xieraq lejn persuna li għamlet ħafna ġid fil-qasam edukattiv u li għenet lil bosta tfal Qriema jimxu ’l quddiem.

“Issa la lestejna dan il-post, inlestu l-iskola primarja ta’ San Ġorġ, hawn fejn il-ġnien biex ikollna din iż-żona kompleta. Żona isbaħ kif jixirqilhom tassew il-Qriema,” tenna l-Prim Ministru.

F’messaġġ lit-tfal preżenti, li jagħmlu parti mill-Kunsill tat-Tfal ta’ Ħal Qormi, il-Prim Ministru ħeġġiġhom jibqgħu attivi, jinvolvu ruħhom fid-diskussjonijiet, jistudjaw, jesploraw u jkomplu jkunu parti mill-bidliet pożittivi ta’ pajjiżna. Qal li t-tfal għandhom rwol importanti fil-kapitlu li jmiss ta’ pajjiżna. Dan hekk kif permezz tal-Viżjoni Malta 2050, qed inħarsu lejn futur fejn il-ħolm tagħhom ma jibqax biss ħolm fuq il-karta iżda jitwettaq.

Dr Abela rringrazzja lil kull min kien involut fit-twettiq ta’ dan il-proġett, fosthom l-NDSF u INDIS, u qal li s-sinerġija bejn entitajiet differenti wasslet għal ġnien mill-isbaħ li se jservi lill-komunità Qormija għal ħafna snin.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li permezz ta’ ekonomija b’saħħitha nistgħu nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u rrefera għall-ftuħ ta’ dan il-ġnien, bħala eżempju prattiku ta’ dan. “B’dan l-investiment, ittrasformajna medda ta’ 3,600 metru kwadru fi spazju modern għat-tfal tagħna. Investiment dirett għall-familji Qriema u l-komunità kollha, biex igawdu iktar ħin flimkien”, tenna l-Ministru Schembri.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li dan il-ġnien għandu tifsira sabiħa. “Fi żmien fejn ħafna tfal iqattgħu wisq ħin magħluqin ġewwa jew quddiem l-iskrins, spazji bħal dawn jagħtuhom il-libertà jilgħabu, jagħmlu ħbieb u joħolqu memorji sbieħ li jibqgħu magħhom għal ħajjithom kollha”, saħqet il-President Emeritu Coleiro Preca.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport