Wednesday, May 20, 2026

MHUMIEX JIFTEHMU

Aqra wkoll

Sfida kbira għall-Ewropa hi kif se ssib vuċi waħda biex tesprimi l-interessi u l-miri tagħha. Il-problema mhijiex biss kif se jinġab ftehim dwar x’għandu jsir bejn il-pajjiżi differenti imma wkoll fi ħdan kull pajjiż. Il-frammentazzjoni politika baqgħet tiżdied, kif jidher li anke qed jiġri fir-Renju Unit.

L-istess Ġermanja qed tagħti xhieda ta’ nuqqas kontinwu ta’ ftehim fi ħdan il-koalizzjon sewda-ħamra li qed tmexxi bħalissa u fi ħdan il-partiti ewlenin. Dan qed iwassal biex kull abbozz ta’ deċiżjoni strateġika fl-Ewropa – fl-oqsma kollha mill-ekonomija sal-ambjent sas-sigurtà u d-difiża – jispiċċa taħlita ta’ kompromessi li ma jissodisfaw lil ħadd, Sa minn meta jitnedew għall-ewwel darba, jitgeżwru f’dubji dwar kemm jistgħu jkunu effettivi.

Ħabib tiegħi qalli: Veru, l-Ewropej jinsabu frammentati. Nafu dan għax id-diżgwid bejniethom iseħħ fil-beraħ. Imma hemm x’juri li żoni oħra tad-dinja qed jaffaċċjaw l-istess problema. Tagħhom sakemm tibqa moħbija, qisha ma teżistix. Imma jekk tfur, tispiċċa fi splużjoni. Waqt li tal-Ewropej tibqa’ tinħass qisha deni rqiq.

HANTA

Il-ġrajja tal-cruise liner Hondius fejn mietu passiġġieri li nqabdu bil-virus hanta qajmet biżgħat. Bir-raġun. It-tifkira tal-pandemija Covid għadha friska. 

Wara l-gwerer, l-aqwa theddida għas-sigurtà tal-popli baqgħet dik tal-mard li jinxtered minn persuna għal persuna biex jeqred familji u komunitajiet sħaħ. Ta’ spiss, it-theddida ta’ pandemija tqanqlet anke bħala riżultat ta’ gwerra, kif ġara bl-influwenza ta’ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-polio wara t-Tieni Gwerra. Pandemiji oħrajn twasslu minn vjaġġaturi u merkanziji ġejjin mill-bogħod, bħall-Mewt is-Sewda li qerdet man-nofs tal-popolazzjoni Ewropea fis-seklu erbatax jew il-kolera li għolliet rasha kemm-il darba matul is-sekli.

Dak kien (għadu) l-biża’ dwar li nqala’ fuq il-Hondius. Il-vjaġġ fuqu se jservi biex ixerred marda oħra li sa issa l-bniedem għadu ma sabx kif jilqagħlha?

BARUNIJIET

Ma nafx inix naqra s-sinjali taż-żmien tajjeb… imma l-PN qed jara kif se jerġa’ jqanqal ir-rabtiet mal-barunijiet tan-negozju? Fl-aħħar snin, donnu tilef is-simpatija tagħhom u l-kuntatt magħhom. L-attakki għamja li għamlu ċerti rappreżentanti tiegħu fuq in-nies tan-negozju li kienu qed jaħdmu mill-qrib mal-gvern Laburista taw x’jifhem li riedu jkissru għal kollox ir-rabtiet tal-imgħoddi. Bihom, gvernijiet tal-PN spiċċaw hobża u sardina mal-barunijiet.

Illum matul il-kampanja elettorali, il-PN qed juri kawtela sħiħa f’diskorsu dwar dal-qasam.  Biss, mal-barunijiet l-affarijiet jimxu permezz ta’ arranġamenti miftehma mhux b’ġesti u xewqat espressi fl-ajru. Jekk il-ġesti u x-xewqat qed isiru bis-serjetà, ikun għax l-arranġamenti ġew konklużi. Forsi hemm dal-ftehim wara t-tħabbir ta’ proġetti kbar ġodda, tipo Smart City?  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport