Saturday, December 21, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker – Ciantar u Borg jgħaddu għall-fażi tan-knock out

Aqra wkoll

Matul it-tieni ġurnata tal-Kampjonat Ewropew Indiviwali tal-Masters tal-Irġiel tas-Snooker li qed isiru f’Albufiera, l-Portugal, tkompliet il-fażi tal-gruppi fejn Malta kisbet erba’ rebħiet f’għaxar logħbiet li fihom ħadu sehem is-sitt players Maltin.

Philip Ciantar kompla għaddej b’forma mill-aqwa u rebaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu 3-0 biex barra li ikkwalifika, rebaħ Grupp R mingħajr ma tilef l-ebda frame. Filgħodu rebaħ kontra Andrej Maksimov tal-Lithwanja (57-22, 77-48, 64-25) u tard filgħaxija egħleb bl-istess skor lil Fillandiż, Ville Pirilä (59-34, 65-32, 59-18).

Alex Borg rebaħ it-tieni konfront tiegħu fi Grupp J biex prattikament ser ikun wieħed mill-45 player li mit-Tnejn li ġej jilgħabu fil-fażi tan-knock out. Huwa rebaħ, 3-1 kontra l-Ġermaniż, Miro Popovic bil-punteġġi tal-frames ikunu 62-35, 31-79, 74-51, 65-55. Is-Sibt, Borg jilgħab logħba diretta kontra l-Skoċiż, Gary Thomson għal min jirbaħ il-grupp.

Mill-players Maltin l-oħra, Arthur Cachia rrnexxielu jirbaħ waħda miż-żewġ logħbiet li lagħab. Huwa għeleb lil Olandiż, Dennis Van Der Zee, 3-2, (20-63, 73-23, 71-72, 69-15, 60-29) pero’ aktar tard filgħaxija tilef kontra Māris Volajs tal-Latvja.

Fil-logħbiet l-oħra David Zammit tilef kontra l-Olandiż, Joris Maa. Ivan Attard tilef kontra Hans Nirnberger tal-Awstrija u Gregory Cooke tal-Irlanda ta’ Fuq filwaqt li Frans Mintoff, filgħodu tilef mal-Irlandiż, Brendan O’Donoghue u aktar tard wara nofs in-nhar, f’logħba li ħadet aktar minn tliet siegħat, kien sfortunat li tilef l-aħħar boċċa sewda fil-frame deċiżiv kontra l-Skoċiż, Michael Philbin.

Il-fixtures tat-tielet ġurnata jgħalqu l-fażi tal-logħob tal-gruppi u l-players Maltin huma mistennija jilgħabu f’dawn il-ħinijiet, il-ħin indikat huwa dak lokali:

2.30 p.m.Alex BorgvsGary Thomson (Skozja)
2.30 p.m.David ZammitvsTomasz Leśniak (Polonja)
2.30 p.m.Frans MintoffvsSaulius Pajarskas (Litwanja)
2.30 p.m.Ivan AttardvsSteve Crowley (Inġilterra)
9 p.m.David ZammitvsJukka Haapakoski (Fillandja)
9 p.m.Ivan AttardvsMarc Chouillier (Franza)
9 p.m.Frans MintoffvsThomas Grendelmeier (Awstrija)
Ekonomija

Sport