Thursday, April 25, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Ciantar u Cachia jibdew b’rebħa fil-kategorija tas-Seniors

Aqra wkoll

Illum ingħata bidu għal Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija fejn tnejn mit-tliet players Maltin li ser jikkompetu fil-kategorija tas-Seniors bdew l-impenji tagħhom b’rebħiet konvinċenti.

Il-kompetituri Maltin li illum kienu fl-azzjoni huma Philip Ciantar u Arthur Cachia fejn it-tnejn rebħu bi skor identiku ta’ 3-0, b’hekk it-tnejn f’dan l-ewwel konfront ma’ tilfu l-ebda frame.

Ciantar rebaħ kontra l-Bulgaru, Boris Lazarkov, 58-29, 53-28 u 62-26 filwaqt li Cachia għeleb lill-Awstrijak Michael Peyr b’punteġġi ta’ 60-36, 61-25 u 76-4. Huwa temm l-aħħar frame bi break ta’ 44 punt.

Ma’ dawn f’din il-kategorija ser jipparteċipa wkoll Alex Borg li jibda l-impenji tiegħu għada filgħodu kontra l-Iskoċċiż, Lee McAllister. Kemm Philip Ciantar kif ukoll Arthur Cachia jilgħabu t-tieni konfront tagħhom għada wkoll, fejn jiltaqgħu kontra Khurram Khan ta’ Wales u Darius Bublys tal-Litwanja rispettivament.

F’din il-kateġorija tas-Seniors, li hawn min isejħila wkoll tal-Masters, qed jieħdu sehem 69 player li ġejjin minn għoxrin pajjiż differenti. Flimkien ma’ Malta insibu players mill-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, l-Ingilterra, l-Italja, l-Iżrael, l-Iżvizzera, il-Latvja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Polonja, l-Skozja, l-Ungerija u Wales.

Sport