Friday, December 27, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Malta: Tispikka r-rebħa ta’ Chris Peplow

Aqra wkoll

Meta kompla l-logħob mill-fażi tal-gruppi tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tal-irġiel, il-players Maltin rebħu total ta’ 11 minn massimu ta’ 19.

Minnhom l-aktar li tispikka kienet dik li rreġistra Chris Peplow fuq iż-żgħażugħ Skoċċiż Liam Graham li l-ġurnata qabel kien għadu kif sar iċ-champion Ewropew il-ġdid fil-kateġorija ta’ Taħt il-21 sena.

Fl-ewwel jum Peplow kien ħareġ tellief iżda  patta għal dan id-diżappunt  b’żewġ rebħiet li fihom ma tilef l-ebda frame.

L-ewwel żewġ players Maltin li kkwalifikaw għar-round tan-Knock-Out għal mal-Aħħar 72 kienu Aaron Busuttil u Alex Borg li rreġistraw it-tielet rebħa minn daqstant logħbiet. Busuttil rebaħ iż-żewġ logħbiet 3-1 u fit-tieni konfront tiegħu għeleb liż-żgħażugħ Skoċċiż, Jack Borwick, li l-Erbgħa li għadda kien sar iċ-champion Ewropew ta’ Taħt is-16-il sena. Alex Borg fiż-żewġ rebħiet ma tilef l-ebda frame.

Brian Cini u Arthur Cachia wkoll rebħu l-konfront tagħhom biex dawn issa għandhom żewġ rebħiet. Cini s’issa huwa l-uniku player Malti li għadu ma tilef l-ebda frame.

Kemm Ivan Attard u Mark Saffrett ma rnexxielhomx jirbħu l-konfront ta’ filgħodu peró fis-sessjoni ta’ filgħaxija t-tnejn rebħu bi skor identiku ta’ 3-1 biex irregistraw l-ewwel rebħa tagħhom f’dan il-kampjonat. Dawn it-tnejn flimkien ma Chris Peplow,  ma jmisshomx jilgħabu u l-aħħar logħba tagħhom tal-gruppi ssir l-Erbgħa.

Illum, ol-Maltin, f’din il-fażi tal-gruppi se jkunu mpenjati fi ħmistax il-partita. Aaron Busuttil u Alex Borg li diġá kkwalifikaw itemmu l-impenji tagħhom f’din il-fażi filwaqt li Frans Mintoff u  Joseph Casha jilagħbu darbtejn.

Ekonomija

Sport