Il-Ħadd ingħata bidu għall-Kampjonat Ewropew tat-Timjiet tas-Snooker tas-Seniors fejn Malta temmet il-jum b’rebħa u telfa għal kull tim li qed jieħu sehem f’din il-parti tal-kompetizzjoni.
F’Sofja, il-Bulgarija, Malta hija ppreżentata minn żewġ timijiet tas-seniors, wieħed iffurmat minn Philip Ciantar u Emanuel Mallia fil-kategorija ta’ -il fuq minn 40 sena u l-ieħor minn France Mintoff u Ivan Attard fil-kategorija ta’ -il fuq minn 55 sena.
Ciantar u Mallia bdew b’rebħa faċli ta’ 3-0 kontra Awstrija 2 (Daniel Seyser u Gunter Kulle) fejn rebħu bil-punteġġi ta’ 64-31, 77-9, 78-32 iżda wara nofsinhar f’logħba li ħadet kważi erba’ siegħat huma tilfu fil-frame deċiżiv. L-avversarji għat-tim Malti kienu Polonja 1 ta’ Marcin Bek u Piotr Murat li rebħu bl-iskors ta’ 25-71, 62-22, 41-33, 43-61, 37-47. Dawn kienu l-impenji fil-gruppi għal Ciantar u Mallia li bihom xorta jkunu kkwalifikaw għar-rawnd tan-knockout però r-riżultat tal-aħħar logħba bejn Polonja 1 u Awstrija 2 jiddependi jekk il-Maltin ikollhom bżonn jilgħabu ‘play-off’ biex jidħlu mal-aħħar tmienja.

Fil-kategorija l-oħra tas-Super Senions, id-duo, Mintoff u Attard, tilfu kontra l-aħjar tim fil-grupp, Wales 1 ta’ Darren Morgan u Brian Rees, 3-1 (37-64, 57-50, 18-54, 38-55) filwaqt li aktar tard kellhom rebħa faċli ta’ 3-0 kontra Finlandja 2 (Juha Lehto u Juhani Koskelin) bil-punteġġi ta’ 74-13, 57-9, 86-58. L-aħħar logħba tagħhom tal-grupp kontra l-Irlanda 2 ser tkun logħba deċiżiva għal min javvanza għal kwarti tal-finali.
It-Tnejn tibda l-kompetizzjoni tat-timijiet tal-irġiel fejn Malta ser tkun irrappreżentata b’żewġ timijiet. Fl-iskeda kkonfermata s’issa Malta trid tilgħab ħames logħbiet li magħhom jistgħu jiżdiedu logħbiet oħra tan-knockout tas-seniors. Dan huma l-fixtures li huma pprogramati bil-ħinijet ta’ Malta.
| 9 a.m. | O/55 Grupp B | Malta France Mintoff – Ivan Attard | vs | Irlanda 2 John Carney – Paul Kellett |
| 1 p.m. | Grupp B | Malta 1 Aaron Busuttil – Chris Peplow | vs | Olanda Benjamin Lamberts – Jasha Kiers |
| 1 p.m. | Grupp C | Malta 2 Joseph Casha – Alex Borg | vs | Ġermanja 2 Robin Otto – Tobias Friedrichs |
| 5 p.m. | Grupp B | Malta 1 Aaron Busuttil – Chris Peplow | vs | Ċipru Antonis Poullos – Demetris Nicolaou |
| 5 p.m. | Grupp C | Malta 2 Joseph Casha – Alex Borg | vs | Awstrija 2 Emil Becker – Josef Wimmer |




