Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Premier: L-ewwel żewġ timijiet f’konfront bejniethom

Aqra wkoll

L-ewwel partita tas-sena 2024 tal-BOV Kampjo­nat Premier, bla dubju, se tiġ­bed l-akbar attendenza s’issa tal-istaġun hekk kif il-leaders Floriana jaffrontaw lit-team ta’ warajhom, Hamrun Spartans.  

U l-mistoqsija hija jekk hux Floriana se jkabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika jew inkella hux Hamrun Spartans se jiftħu beraħ it-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu.

Team li jkun qed isegwi b’interess din il-partita huwa dak ta’ Sliema Wanderers fejn jittama għal żelqa Furjaniża hekk kif il-Blues se jilagħbu kontra Gudja United li jinsabu fl-aħħar post flimkien ma’ Sirens u Sta Lucia. 

Marsaxlokk ikunu nvoluti f’konfront dirett kontra Hibernians filwaqt li Birkirkara jibdew favoriti kontra Sirens. 

Iż-żewġ logħbiet bejn Valletta u Naxxar Lions u dik bejn Mosta u Balzan huma bilanċjati bir-riżultat jista’ jmur kull naħa.

Hamrun S. v Floriana – Din hija partita li se tlaqqa’ l-aqwa żewġ timijiet. 

Matul is-sajf kien hemm antiċipazzjoni li Hamrun Spartans kienu se jkunu  b’saħħithom biex jiddefendu t-titlu b’suċċess iżda żgur ħadd ma basar li Floriana se  jibdew sena ġdida fil-quċċata tal-klassifika. 

Ma jrid jitnaqqas l-ebda mertu minħabba li l-Greens, taħt it-tmexxija tal-coach Italo/Arġentin, Mauro Camoranesi, s’issa kienu l-aktar konsistenti … fejn skorjaw l-aktar goals u qalgħu l-anqas. 

Rebħa għal Floriana tkun tfisser li jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-istess Hamrun u għalhekk xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tal-Ispartans. 

Barra minn hekk, huma jimmiraw li jwaqqfu s-sensiela ta’ sitt rebħiet konsekuttivi tal-Greens fejn huma wkoll l-uniku team li għadu ma ġiex megħlub. 

Draw jiffavorixxi lil dawn tal-aħħar hekk kif jibqgħu jgawdu l-vantaġġ ta’ tliet punti. 

Iż-żewġ timijiet mistennija li jinżlu bl-aqwa for­mazzjoni hekk kif Ryan Camenzuli jirritorna għall- Ispartans minn sos­pensjoni. 

Sliema W. v Gudja U. – Sliema Wanderers, li jinsabu fit-tielet post, jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jilagħbu kontra Gudja United li bħalissa għaddejjin minn mument xejn feliċi. 

Dan minħabba li matul il-festi tal-Milied irriżenja l-coach, Jesmond Zammit, filwaqt li sar magħruf li bosta players jinsabu fuq il-lista tat-trasferiment. 

Issa, it-team se jkun immexxi mill-coach il-ġdid, Ren­zo Kerr-Cumbo, li din se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu fl-ogħla diviżjoni. 

Il-Wanderers se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Gustavo Alcino minn sospensjoni.

Marsaxlokk v Hiber­nians – Din hija partita bejn żewġ timijiet li l-objettiv tagħhom huwa li jikkwali­fikaw għal kompetizzjoni Ewropea u għalaqstant ma jistgħux iwaqqgħu punti f’dan il-konfront … l-aktar Hibernians meta l-pressjoni tinsab kollha fuqhom. 

Rebħa għal Marsaxlokk tiftaħ sitt punti fuq l-istess Pawlisti li jkun ifisser li dawn tal-aħħar jinqatgħu mill-kuntatt mit-team li jinsab fit-tielet post.

Min-naħa l-oħra, rebħa għal Marsaxlokk tkompli tixħet il-pressjoni fuq Slie­ma Wanderers. 

Huma jilqgħu lil Armah Ayo Vaikainah wara li kien sospiż għal żewġ partiti filwaqt li Hibernians ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Ro­bert Bairam. 

Gzira U. v Sta Lucia – Din hija partita li ż-żewġ timi­jiet ma jistgħux jitilfu biex jibqgħu fit-taqtiegħa għas-salvazzjoni hekk kif hemm ħames punti biss ji­firdu liż-żewġ timijiet. 

Rebħa għal Sta Lucia tpoġġihom żewġ punti taħt Gzira United fejn ix-xenarju tar-relegazzjoni jinbidel kompletament.  

Fl-aħħar tliet ħarġiet, il- Maroons ma ġabrux punt filwaqt li l-Luċjani kisbu rebħa meta għelbu lil Mosta 1-0. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Lucas Ri­beiro De Oliveira għal Gzira u Patrick De Oliveira Ra­mos għal Sta Lucia. 

Iżda l-Gżirjani jkollhom lil Lucas Riascos lura minn sospensjoni. 

Sirens v Birkirkara – Bir­kirkara jibdew favoriti hekk kif se jilagħbu kontra team li jinsab fil-qiegħ tal-klassifika, iżda daqstant ieħor Sirens għandhom bżonn il-punti fil-ġlieda tagħhom kontra l-għarqa … u għaldaqstant il-Karkariżi jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom li jinżlu b’moral għoli wara li fl-aħħar żewġ ħarġiet kisbu erba’ punti – draw kontra Naxxar L. (1-1) u rebħa fuq Gudja U. (2-1).

Għal Birkirkara jirritorna Nicholas Agius minn sos­pen­sjoni. 

Valletta v Naxxar L.– Din hija partita bilanċjata li tista’ tmur kull naħa. 

Filwaqt li Naxxar Lions jinsabu f’żona komda, telfa għal Valletta tkun tfisser inkwiet kbir hekk kif bħalissa jinsabu fil-periferija taż-żona l-ħamra.

Peró, il-Lions se jkunu mingħajr wieħed mill-aqwa players tagħhom, il-Brażiljan William, li jibda jiskonta sospensjoni ta’ sitt partiti. 

Min-naħa ta’ Valletta, jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.  

Mosta v Balzan – Mosta jiffaċċjaw lil Balzan b’dawn tal-aħħar jinsabu punt fuq l-istess Mosta fit-tmien post tal-klassifika. 

Rebħa hija mperattiva għaż-żewġ timijiet biex ma jin­qabdux fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Filwaqt li Gustavo Chara jirritorna għal Mosta minn sospensjoni, għalihom jirritornaw Zachary Brincat u Damian Evans minn sos­pensjoni. 

Ekonomija

Sport