Sunday, December 29, 2024

Kampjonat tad-Dinja tas-snooker: Williams jingħaqad ma’ O’Sullivan fis-semi-finali

Aqra wkoll

Ronnie O’Sullivan jinsab żewġ rebħiet bogħod mis-seba’ titlu tal-Kampjonat tad-Dinja li qed isir fil-Crucible Theatre ta’ Sheffield hekk kif għeleb lil Stephen Ma­guire 13-5 fil-kwarti-finali biex anke sar l-ewwel wieħed li għadda għas-semi-finali.

Warajh għadda Mark Williams li warrab l-isfida tal-player Ċiniż, Yan Bingtao, meta rebaħlu 13-11 fejn kienet l-aħħar sessjoni li xaqilbet favur il-player minn Wales wara li l-ewwel żewġ sessjonijiet kull player rebaħha 6-2.

In-numru wieħed tad-dinja għad irid jiffaċċja sfida serja fil-kampjonat s’issa, wara li għeleb lil David Gilbert 10-5, Mark Allen 13-4 u issa lil Maguire bi skor ieħor imxaqleb fuq naħa waħda. Huwa wasal għar-rekord ta’ 13-il semi-finali f’Sheffield – wieħed iktar mit-12 ta’ Stephen Hendry.

Iżda l-uniku rekord li se jimmotiva lil O’Sullivan huwa ta’ seba’ titli mondjali, marka li Hendry ilu jżomm sa mill-1999. Jekk O’Sullivan jilħaq l-istess total allura l-istatus tiegħu bħala l-aqwa player tas-snooker qatt ma jkun fid-dubju.

Il-prova li jmissu se tkun logħba ma’ Jack Lisowski jew mar-rival antik, John Higgins, fuq 33 frames. O’Sullivan lagħab kontra Higgins tliet darbiet dan l-istaġun u tilifhom kollha.

O’Sullivan issa rebaħ 19 mit-23 laqgħa tiegħu ma’ Ma­guire, inklużi l-erbgħa kollha fil-Crucible.

Dan il-konfront kien kompetittiv sakemm l-iskor kien 6-4, imbagħad O’Sullivan ħarab ‘il quddiem meta ħa ħamsa oħra wara xulxin mill-aħħar sitt frames.

Fl-ewwel sessjoni, Maguire rebaħ l-ewwel u t-tmien frames waqt li bejniethom O’Sullivan rebaħ sitta wara xulxin bi breaks ta’ 54, 70 u 123 b’Maguire jagħmel tnejn ta’ 55 u 56.

Maguire beda t-tieni sessjoni billi rebaħ l-ewwel żewġ frames bi breaks ta’ 62 u 73 u bħal m’għamel fl-ewwel sessjoni O’Sullivan din id-darba rebaħ ħamsa fuq xulxin bi breaks ta’ 64, 55, 69, 94 u 73.

It-tielet sessjoni li saret il-bieraħ fil-għodu O’Sullivan bdiha 11-5 minn fuq u ta’ player kbir li hu ħa 19-il minuta biss biex issiġilla r-rebħa fejn għamel breaks ta’ 71 u 126.

Fil-logħba l-oħra kien Williams li beda fuq nota tajba meta rebaħ l-ewwel żewġ frames inkluż break ta’ 61. Iżda l-iskor sar 2-2 meta Yan irrisponda bi breaks ta’ 102 u 85.

Madankollu kien Williams li għalaq is-sessjoni meta rebaħ erba’ frames wara xulxin li kollha kellhom break rebbieħ ta’ 60, 106, 72 u 77.

Fit-tieni sessjoni Yan qam għar-responsabbiltajiet tiegħu meta din id-darba kien hu li rebaħ sitt frames kontra tnejn fejn huwa rrisponda b’erba’ breaks rebbieħa ta’ 80, 72 u 103 biex l-iskor sar 8-8.

Għalhekk kollox ddependa mit-tielet u l-aħħar sessjoni fejn Yan rebaħ tlieta mill-ewwel ħames frames fejn inkluda breaks ta’ 62 u 103 iżda kien Williams li rebaħ l-aħħar tliet frames u l-logħba fejn anke hu nkluda żewġ breaks ta’ 62 u 102.

Ekonomija

Sport