Ftit sigħat wara li l-President Donald Trump ħabbar li se jimponi tariffi iebsa fuq il-Kanada, il-partitarji tal-hockey fil-kapitali Ottawa infexxew jibbuwjaw l-innu nazzjonali Amerika, li Star-Spangled Banner, waqt logħba tan-National Hockey League bejn tim Kanadiż u dak mill-Istati Uniti.
Il-Ħadd ukoll, waqt logħba tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Baskitbol bejn Toronto Raptors u Los Angeles Clippers, reġa’ ġara l-istess u l-ibbuwjar kompla anki matul il-kanzunetta u li kważi dgħajjef u tarrax il-prestazzjoni fl-arena minn kantant ta’ 15-il sena.
L-iskuntentizza vokali minn partitarji normalment rispettużi huwa sinjal ċar tad-dispjaċir kbir tal-Kanadiżi għall-mossa ta’ Trump biex jolqot l-eqreb alleat tiegħu b’taxxi punittivi, li jheddu li jqanqlu gwerra kummerċjali bla preċedent fil-kontinent tal-Amerika ta’ Fuq.
It-tariffi ta’ 25% imposti minn Trump fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti Kanadiżi kollha fl-Istati Uniti – b’imposta aktar baxxa ta’ 10% fuq l-enerġija – għandhom jidħlu fis-seħħ illum l-4 ta’ Frar.
Minbarra dawn it-tariffi iebsa, hemm ukoll it-theddid tal-President Trump, li kompla jirdoppja l-ispinta tiegħu, biex il-Kanada tingħaqad mal-Amerika u ssir il-51 stat.
Filwaqt li ħafna ekonomisti jipproġettaw li t-tariffi se jgħollu wkoll l-ispejjeż għall-poplu Amerikan fuq affarijiet essenzjali ta kuljum, mill-gass għall-prodotti tal-merċa, il-Kanada hija s-sieħba kummerċjali l-aktar esposta. Jekk idumu għal xhur sħaħ, il-pajjiż jista’ jiffaċċja riċessjoni ekonomika kerha.
Ir-rabja tal-Kanadiżi qed tiżdied u magħha, qed tikber ix-xewqa tagħhom għal ritaljazzjoni kif esponew il-mexxejja politiċi fil-pajjiż ta’ 40 miljun.
“Ħafna fostna se jiġu affettwati minn dawn it-tariffi, u se jkollna żminijiet diffiċli quddiemna. Nitlobkom tkunu hemm għal xulxin” qal il-Prim Ministru Justin Trudeau f’diskors nhar is-Sibt filgħaxija.
Xi Kanadiżi diġà taw widen għas-sejħiet għas-solidarjetà. Fuq il-midja soċjali, ċċirkolaw linji gwida dwar kif għandu jiġu evitat ix-xiri ta’ prodotti magħmula mill-Amerika. Sid ta’ ħanuit tal-merċa lokali f’Toronto saħansitra beda jippromwovi -tikketta tal-jogurt Kanadiż għax-xerrejja.
Oħrajn iddikjaraw li se jkunu qed jikkanċellaw il-pjanijiet tal-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti, jew li ma jmorru qatt iktar hemmhekk. F’xi provinċji Kanadiżi, fosthom Ontario, l-akbar reġjun popolat fil-Kanada, ix-xorb u l-alkoħol Amerikan se jitneħħa minn fuq l-ixkafef b’mod indefinit.
Dan minbarra total ta’ 155 biljun dollari Kanadiżi ta’ oġġetti Amerikani li l-Kanada qalet li se timponi fuqhom tariffa bħala ritaljazzjoni, inklużi ħxejjex, ħwejjeġ, tagħmir sportiv, fwieħa u oġġetti oħra. Oġġetti li joriġinaw minn stati mmexxija mir-Repubblikani, bħall-meraq tal-larinġ ta’ Florida, qed jiġu mmirati speċifikament.
L-Istati Uniti timporta l-aktar ammont miż-żejt tagħha mill-Kanada u l-gvern ta Justin Trudeau diġa indika li l-għażliet kollha se jibqgħu fuq il-mejda għal aktar ritaljazzjoni.