Wednesday, March 27, 2024

KANDIDAT ĠDID GHALIKOM l-ISKALIN

Aqra wkoll

Minn dejjem Wied il-Għajn kien għal qalbi. Kien il-post fejn għixt parti importanti minn tfuliti, kien il-post fejn jien kbirt bħala individwu, bħala missier, bħala imprenditur u llum bħala politiku. Wied il-Għajn, il-post fejn niltaqa’ man-nies li jaqsmu miegħi l-ħolm, il-ħsibijiet u l-ambizzjonijiet tagħhom.

In-nies li xprunawni naħdem bla heda biex niżviluppaw soċjetà Skalina b’saħħitha, li tista’ tikber, tirnexxi, taħdem fuq il-ħolm u tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha. Ġibda politika wkoll xprunata minn objettiv li nara li tiġi protetta, konservata u promossa bil-wirt kulturali u naturali ta’ Wied il-Għajn. Ġibda xprunata minn determinazzjoni li nara Wied il-Għajn aħjar. Wied il-Għajn li verament qed jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tiegħu.

Tul is-snin sar xogħol biex dan ir-raħal jingħata l-importanza mistħoqqa. Fosthom insemmu l-progett tal-grawnd tal-futbol b’investiment ta’ €2.5m. Il-Budget imħabbar fil-11 ta’ Ottubru huwa wkoll opportunità biex verament nagħmlu differenza f’ħajjet l-Iskalin. Nilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva mħabbra mill-gvern biex ikun hemm intensifikazzjoni ta’ interventi ta’ din ix-xorta fuq diversi siti, fosthom dawk fejn ix-xogħol inbeda diġà bħal Magħluq ta’ Marsaskala.

Għaqlin kienu wkoll il-miżuri mħabbra mill-gvern biex jiġi riabilitat il-Park tal-Inwadar li jestendi min-naħa tax-Xgħajra saż-Żonqor billi jsir tħawwil ta’ għexieren ta’ eluf ta’ siġar ġodda adattati għat-tipoloġija tal-inħawi. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li mhux biss tingħata dehra estetika differenti fid-dehra ta’ Malta kif tidher fuq il-mappa imma se jwassal ukoll biex dan isir il-Park Nazzjonali, park b’masġar li jkun akbar minn dak tal-Buskett u li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd u jservi wkoll bħala attrazzjoni turistika. Il- proġett se jinħadem fuq medda ta’ 5 snin b’investiment ta’ €20 miljun li jaċċerta wkoll s-sostenibbiltà tiegħu b’mod partikolari fl-immaniġġjar tal-ilma u anke l-ħarsien tal-bijodiversità tal-Inwadar.

Iżda ma nistgħux u m’aħniex se niefqu hawn. Jinħtieġu aktar inizjattivi mmiritati biex jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dan ir-raħal. Li taħseb f’upgrade u timmodernizza l-istat li fih qiegħda Marsaskala bħalissa huwa bżonn. Nemmen bis-sħiħ illi Marsaskala għandha potenzjal kbir biex terġa’ tieħu r-ruħ, mhux biss bħala lokalità li għal ħafna hija l-villeġġjatura iżda wkoll bħala destinazzjoni Ewropea ta’ kwalità u turistika.

Nemmen li Marsaskala u l-kosta tal-madwar huma fost l-isbaħ u l-aktar frekwentati. Għalhekk nixtieq, li b’kuraġġ u determinazzjoni, u flimkien, nindirizzaw dak li l-Iskalin jixtiequ, biex b’impenn, inkomplu ninvestu biex intejbu mhux biss lil Marsaskala iżda wkoll il-komunità tan-negozju u l-identità ta’ dan il-lokal.

Nemmen li jekk verament Wied il-Għajn irid isir post turistiku, jekk verament Marsakala trid issir post ideali bħala residenza għas-sajf, jekk dan ir-raħal verament irid itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Iskalini, hemm il-bżonn ta’ pjan ħolistiku li jiġġenera l-iżvilupp taż-żona. U biex dan jintlaħaq, hemm bżonn ta’ pjan ċar li jindirizza temi primarji f’dan ir-raħal inkluż; l-isfida tal-għargħar; il-problema tal-parkeġġ; l-infrastruttura tat-toroq fil-lokal; it-tisbiħ tal-kosta ta’ Marsaskala; il-bżonn ta’ aktar żoni ta’ rikkreazzjoni. Wasal iż-żmien li jsir ukoll xi ħaġa bil-Jerma.

Pjan ħolistiku li għandu jipproteġi u jsebbaħ il-bajjiet fiż-żona. Ta’ min wieħed ifakkar li l-aqwa bajjiet naturali li għandna fin-naħa t’isfel ta’ Malta jappartjenu għal Marsaskala. Jien li qattajt tfuliti f’Marsaskala u f’San Tumas naf verament xi tfisser meta tara telqa waħda wara l-oħra tul din il-kosta. Kosta naturali, bajjiet sbieħ u aktar u mhux inqas aċċessibbli, u baħar nadif jibqa’ dejjem il-prijorità u fuq quddiem nett. Li nagħtu upgrades u niġġeneraw huwa tajjeb bħal m’għamlet Transport Malta fuq il-mollijiet ta’ San Tumas, bħalma Infrastructure Malta għamlet fit-toroq tal-madwar f’din l-aħħar sena, bħalma għamel il-kunsill lokali iżda mhux biżżejjed. Hemm aktar x’irid isir biex itejjeb żoni ċentrali ta’ dan ir-raħal.

Hemm bżonn isir aktar biex verament Wied il-Għajn jingħata l-importanza soċjali, ekonomiku, kuturali, infrastrutturali u turistiku li jixraqlu. Importanza li ma tkunx limitata bil-kliem imma anke bil-fatti.

Wied il-Għajn, ir-raħal tant għal qalbi. Ir-raħal li għandu rwol ċentral fil-vjaġġ politiku tiegħi. Wied il-Għajn li għalih qed naħdem bla heda biex kull resident ikollu leħen. Wied il-Għajn li għalih qed nistinka biex verament nagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja ta’ kull resident.

Ekonomija

Sport