Wednesday, April 24, 2024

PN: Għajnuna lin-negozji dwar ħlas ta’ taxxa u kontribuzzjonijiet li akkumulaw tul il-pandemija

Aqra wkoll

F’attività politika f’Ħal Safi, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, ħabbar li jekk il-poplu jagħtih fiduċja u jtellgħu bħala Prim Ministru tal-pajjiż se jgħin lin-negozji billi t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet kollha li akkumulaw tul il-pademija, se jippermettilhom li jħallsuhom fuq medda ta’ tmien snin. Dan bl-iskop li jgħin lilhom, lill-ħaddiema, lill-ekonomija u lill-pajjiż kollu. Barra minnhekk Grech wiegħed lill-ħaddiema tal-Airmalta li tilfu xogħlhom li ladarba fit-tmun tal-pajjiż, għandu l-obbligu li jagħmel minn kollox biex huma wkoll ikollhom serħan il-moħħ.

F’diskors pjuttost itwal u aktar imqanqal minn tas-soltu, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar li Gvern tal-PN se jinvesti f’dawk kollha li jagħżlu karriera fil-Korpi Dixxiplinati billi dawk li jkunu intitolati għall-pensjoni ta’ wara l-25 sena servizz, dawk li jridu jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom, se jingħataw il-possibbiltà li jagħmlu dan. Grech qal li f’dan il-każ, dawn il-ħaddiema se jitħallsu l-paga kif ukoll jieħdu l-pensjoni li jkunu ħadmu għaliha f’25 sena ta’ servizz. 

Fl-intervent tiegħu Bernard Grech qal ukoll li bħala Gvern se jagħtu s-servizz tat-tabib bla ħlas u dan ukoll biex itaffi piż ieħor minn fuq il-poplu. Barra minnhekk huwa sostna li hemm miżuri oħra li se jkunu qegħdin joħorġu fil-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ din is-sena.

Fuq sfont ta’ elezzjoni imminenti Grech, li kien jinsab fil-ħames disrett qal li, “minkejja l-interessi personali tiegħi, għażilt li noħroġ fuq dan id-distrett għax ħassejt li l-kandidatura tiegħi fuq dan id-distrett hija bbażata fuq konvinzjoni u mhux fuq konvenjenza kif jagħmel ħaddieħor”. 

F’elenku ta’ kritika lejn il-Gvern preżenti li tattakka b’mod dirett lill-Prim Ministru Robert Abela, lil Joseph Muscat u lill-membri tal-kabinett Laburista b’mod ġenerali, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li, “kull ġurnata li tgħaddi qiegħda toħroġ evidenti d-differenza bejn iż-żewġ partiti fejn għandek partit maqsum u Partit Nazzjonalista li ma kull ġurnata li tgħaddi qiegħed joħroġ b’aktar konvinzjoni li l-aħna familja waħda li kulma jinteressana huwa l-ġid tiegħek u li dan jibqa’ l-ewwel u qabel kollox fil-mira tal-ħidma tagħna”.

Fuq l-estrem l-ieħor il-Kap tal-PN semma’ lista ta’ affarijiet “tajbin” li għamel il-PN fil-Gvern fosthom dik tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u hawn esprima l-pjaċir tiegħu li Roberta Metsola żaret għall-ewwel darba personalment pajjiżna bħala l-President tal-Parlament Ewropew, kif ukoll il-fatt li skont ma qal huwa, kien il-PN li fetaħ il-bibien tal-Università għal studenti mill-partijiet kollha ta’ Malta u Għawdex, “huma min huma u ġejjin minn fejn huma ġejjin”.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħa l-okkażjoni biex isemmi lill-ġurnalisti fejn qal li, “illum, bis-saħħa tal-ġurnalisti investigattivi, sirna nafu b’allegazzjonijiet serji ħafna li l-Prim Ministru kien involut fihom”. Hawnhekk, filwaqt li wissa b’nota ta’ theddida li se jibqgħu jsegwu mill-qrib ħafna din l-istorja, allega li kien Abela li rrapportah bil-għan li jwaqqfu milli jikkontestah għall-elezzjoni ġenerali.

Fost temi oħra li Grech indirizza kien hemm l-għoli tal-ħajja, il-festi tar-raħal u l-mediċina għall-koppji li għandhom bżonn l-IVF. Għal darba darbtejn il-Kap tal-PN talab il-fiduċja tal-poplu fl-elezzjoni li jmiss biex huwa jsir il-Prim Ministru ġdid ta’ Malta bil-wegħda li mhux se jidħak bil-poplu u li se jagħti serħan il-moħħ għal kulħadd.

Sport