Wednesday, March 27, 2024

Kap ta’ skola fl-Istati Uniti jitkeċċa wara li tifel ta’ sitt snin spara fuq l-għalliema tiegħu

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kap ta’ skola fl-istat Amerikan ta’ Virginia tkeċċa mill-kariga tiegħu wara li aktar kmieni dan ix-xahar, għalliema spiċċat feruta wara li student fil-klassi tagħha ħareġ pistola mill-basket u sparalha. Il-każ seħħ fl-iskola Richneck Elementary fil-belt ta’ Newport News.

Id-deċiżjoni li George Parker ma jibqax fil-kariga ta’ kap tal-iskola ttieħdet wara li l-bord tal-iskola ħa deċiżjoni b’vot ta’ 5 kontra 1. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li avukata tal-għalliema, Diane Toscano ħadet passi kontra l-amministrazzjoni tal-iskola.

Toscano sostniet li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba l-fatt li l-isparatura setgħet ġiet evitata. Fl-istess ġurnata meta seħħ dan il-każ, l-amministrazzjoni tal-iskola kienet mwissija tliet darbiet minn għalliema u impjegati li t-tifel kellu pistola fil-basket u li beda jhedded li jużaha.

Il-familja tat-tifel qalet li t-tifel tagħhom jsofri minn diżabilità u sostnew li fil-jum tal-inċident, it-tifel inzerta daħal waħdu l-iskola. Il-familja żiedet tgħid li din kienet xi ħaġa ta’ darba u li ssoltu dejjem kien jakkumpanjah xi ħadd mill-ġenituri.

Minkejja li l-amministrazzjoni tal-iskola irċeviet dawn it-twissijiet, ma ħadet l-ebda passi u naqset milli tispezzjona l-istudenti. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Pulizija tal-belt Steve Drew ikkonferma li l-pulizija mhux tqis dan il-każ bħala inċident, filwaqt li saħaq li fl-iskola hemm apparat apposta li jissorvelja l-basktijiet tal-istudenti.

Ekonomija

Sport