Illum u għada titkompla tintlagħab l-20 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier hekk kif f’dan l-istadju qed isir mill-aktar interessanti kemm fin-naħa ta’ fuq bit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu kif ukoll fin-naħa t’isfel bil-ġlieda għas-salvazzjoni qed tintensifika ruħha.
Konfront li jispikka f’dan il-programm huwa dak bejn Marsaxlokk u Birkirkara li qed jissieltu għar-raba’ pożizzjoni … li tista’ tfisser passaġġ għall-kompetizzjoni ta-UEFA Conference League.
Dan minħabba li jekk ma jirbħuhx l-FA Trophy huma, xorta waħda jilagħbu fl-Ewropa jekk din il-kompetizzjoni tintrebaħ minn Hamrun Spartans, Floriana jew Sliema Wanderers … li prattikament se jispiċċaw qabilhom fil-klassifika.
Minkejja li t-timijiet li qed jokkupaw l-ewwel tliet postijiet, Hamrun Spartans, Floriana u Sliema Wanderers, jibdew favoriti li jirbħu tliet punti, huma għandhom partiti delikati kontra Mosta, Sirens u Sta Lucia, rispettivament, li jinsabu fil-bżonn tal-punti biex jevitaw ir-relegazzjoni.
Konfront dirett u importanti huwa dak bejn Valletta u Gzira United filwaqt li Hibernians jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ kontra Gudja United.
Marsxlokk v Birkirkara – Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa bejn żewġ timijiet li l-objettiv tagħhom huwa l-Ewropa.
Huma għandhom punti ndaqs u għaldaqstant rebħa hija mperattiva … wara li fl-aħħar ħarġa ma rnexxielhomx jiksbu t-tliet punti … telfa għal Marsaxlokk kontra Mosta (2-1) u draw għal Birkirkara kontra Balzan (1-1).
L-uniku player sospiż huwa dak ta’ Marsaxlokk, Jacob Walker iżda għalihom jirritorna Nikolai Muscat minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, ix-Xlukkajri rebħu bl-iskor ta’ 2-0.
Mosta v Hamrun S. – Hamrun Spartans, li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Valletta, jiffaċċjaw lil Mosta li jinsabu punt wieħed biss fuq iż-żona l-ħamra.
Din il-partita għandha tkun ferm interessanti hekk kif tlaqqa’ l-qawwa ta’ Hamrun Spartans kontra d-determinazzjoni ta’ Mosta.
F’dawn l-aħħar żewġ partiti, l-Ispartans fallew erba’ punti meta temmew fi draw kontra Sliema Wanderers (0-0) u Valletta (1-1) biex issa Floriana naqqsu d-distakk għal punt wieħed biss u għaldaqstant m’hemmx lok li jkomplu jitilfu l-punti.
Aktar minn hekk, huma jridu jpattu għad-diżappunt tal-ewwel round meta spiċċaw ukoll fi draw ta’ 1-1 kontra l-istess Mosta.
Dawn tal-aħħar ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiż Christian Ndubisi Nnaji iżda jirritorna Damian Evans minn sospensjoni.
Sirens v Floriana – Floriana jimmiraw li jkomplu bis-sensiela pożittiva meta jaffrontaw lil Sirens li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar u qatgħu kull kuntatt biex forsi jistgħu jsalvaw … iżda fil-football kollox jista’ jiġri.
Għalhekk il-Pawlini ma għandhom xejn x’jitilfu bil-pressjoni kollha tinsab fuq il-Greens. Iżda dan huwa ċ-ċans għalihom biex ikomplu jisfidaw lil-leaders fil-quċċata tal-klassifika.
Sirens għandhom lil Nicholas Pulis u lil Gilberto Carrara sospiżi.
Floriana kienu rebħu 3-0 fir-round preċedenti.
Sliema W. v Sta Lucia – Sliema Wanderers jimmiraw li jsaħħu t-tielet post meta jiltaqgħu kontra Sta Lucia li ġejjin minn tliet rebħiet u draw fl-aħħar erba’ logħbiet.
Għaldaqstant, il-Wanderers iridu juru rispett lejn il-Luċjani li f’dan it-tieni round bħal donnhom ittrasformaw ruħhom.
Filwaqt li Chris Kouao u Rashed Al Tumi huma sospiżi għall-Wanderers, Alessio Piazza se jkun nieqes għal Sta Lucia.
Fl-ewwel round il-Blues kienu rebħu bl-iskor ta’ 1-0.
Valletta v Gzira U. – Dan huwa konfront li l-ebda team ma jista’ jitlef speċjalment Valletta minħabba l-biżgħa li se jinqabdu fiż-żona l-ħamra hekk kif id-distakk jista’ jikber.
Huma għandhom lil Fernando Barrientos u Adrian Santiago sospiżi … iżda jirritorna Victor Filho … filwaqt li Gzira United għandhom lil Jackson Mendoza sospiż.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Gudja U. v Hibernians – Hibernians jibdew favoriti li joħorġu rebbieħa meta jilagħbu kontra t-team tal-qiegħ tal-klassifika, Gudja United, u teżisiti possibbiltá li fil-programm li jmiss jiġu relegati.
L-uniku player sospiż f’din il-partita huwa Claudio Bonanni ta’ Hibernians.
Fl-ewwel round huma kienu għelbu lil Gudja bl-iskor ta’ 1-0.