Tuesday, May 14, 2024

Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ San Ġiljan

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Paul Mizzi bħala kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġiljan waqt li rringrazzja lil Dun Claude Portelli, li serva bħala kappillan għal dawn l-aħħar 13-il sena u viċi kappillan għal sitt snin.

Dun Paul Mizzi twieled Tas-Sliema fl-24 ta’ Awwissu 1967. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ St Joseph, Tas-Sliema, l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin, fil-Pietà, u l-edukazzjoni postsekondarja fil-Junior College, l-Imsida. Għal 23 sena ħadem ma’ kumpanija privata fil-qasam marittimu. L-istudji terzjarji fil-Filosofija u t-Teoloġija għamilhom fil-Kulleġġ Beda f’Ruma bi sħab mal-Università ta’ St Mary, f’Twickenham, Londra.

Dun Paul ġie ordnat saċerdot fl-1 ta’ Lulju 2014. Il-ħidma pastorali tiegħu wettaqha fil-parroċċa ta’ San Ġiljan fejn serva għal tmien snin bħala viċi kappillan. Tul dawn l-aħħar seba’ snin kien ukoll direttur spiritwali tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke.

Il-parroċċa ta’ San Ġiljan tiġbor fiha madwar 11,100 persuna.

Sport