Sunday, December 22, 2024

KARMENU MIFSUD BONNICI: Avukat b’qalb trejdunjonista li sar mexxej ta’ pajjiż

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-età ta’ 89 sena, l-eks Prim Ministru ta’ Malta Karmenu Mifsud Bonnici, ħalla din id-dinja iżda ismu se jibqa’ mfakkar u mniżżel fl-Istorja tagħna mhux biss għat-tliet snin li fihom b’integrità u onesta mexxa lil pajjiżna, iżda anke għall-qalb tbaqbaq li kellu favur id-drittijiet tal-ħaddiema, il-foqra u min huwa fil-bżonn. Dan il-politiku magħruf għall-ġentlomerija tiegħu kien fuq kollox persuna li jħobb it-trejdunjoniżmu fejn b’umiltà kien ħa post Dom Mintoff biex mexxa lill-pajjiżna minn Diċembru tal-1984 sa Mejju tal-1987, liema perjodu huwa meqjus li kien pjuttost turbolenti għax-xena politika lokali.

“Imbaxxi rasi għar-rieda tagħkom, ħuti delegati tal-Partit u l-Union. U meta nagħmel dan inkun qiegħed nifhem li għal darb’oħra nkun qiegħed inwiegħed li nkun ta’ servizz komplet, sħiħ u bla riżervi lill-ħaddiem Malti u Għawdxi”. Dawn kienu l-ewwel sentenzi li lissen Karmenu Mifsud Bonnici f’diskors li għamel meta kien maħtur unanimament mexxej ‘designate’ mid-delegati tal-Partit Laburista fit-18 ta’ Ottubru, 1982.

Dik il-wegħda li għamel dakinhar, 40 sena ilu, Karmenu baqa’ jwettaqha sal-aħħar. Qatt ma mar lura minn kliemu fejn kienu jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan il-prinċipju li huwa emmen fih huwa mnaqqax f’dik il-liġi li kienet imsejħa “Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali”, liġi li tat sura legali u s-saħħa lill-ħaddiema mhux biss biex jiddefendu dak li kienu kisbu, imma wkoll li jkomplu javvanzaw l-interessi tagħhom.

Jekk il-ħaddiem illum il-ġurnata jgawdi d-dritt u l-liberta’ li jieħu azzjoni, anke dik ta’ strajk, dan kollu jafu lil Karmenu Mifsud Bonnici għax kienu huwa l-ewwel wieħed li rreżista u ma ħalliex fl-1969 tgħaddi liġi li l-Gvern Nazzjonalista kien ħejja biex titfa’ l-ħabs lill-ħaddiema li jistrajkjaw.

U l-ħidma ta’ Karmenu fid-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema ma waqfitx hawn. Kompliet snin wara saħansitra meta Gvern ieħor Nazzjonalista għaqqad flimkien f’liġi waħda il-liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali (IRA) u l-liġi li tirregola l-kundizzjonijiet tal-impjieg  (CERA). Hawn ukoll Karmenu kien strumentali flimkien mal-GWU biex reġa’ ddaħħal lura fil-liġi d-dritt ta’ strajk ta’ simpatija li l-gvern ta’ dakinhar ried iħalla barra.

Persuna li kellu t-trejdunjoniżmu għall-qalbu

Karmenu Mifsud Bonnici kien wieħed mill-“klikka” ta’ personalitajiet magħrufa li twieldu fil-Kottonera u għamlu differenza pożittiva f’Malta fosthom Mintoff stess, l-Isqof Michael Gonzi u Carmelo Mifsud Bonnici magħruf bħala l-Gross. Il-professjoni oriġinali tiegħu kienet dik ta’ avukat imma mwieled bi prinċipji sodi favur il-ħaddiema, Karmenu kien meqjus bħala trejdunjonist kbir li wasal biex mexxa pajjiż bħala Prim Ministru. 

Jivjaġġa b’Fiat 500 li wara biddel għall-famuża Beetle griża u b’dik il-bagalja antika sinonima li dejjem kien iġorr miegħu, Karmenu Mifsud Bonnici kien jidħol bi ħġaru fil-bini tal-General Workers’ Union (GWU) fejn serva bħala konsulent legali għal 20 sena. 

Huwa qatt tħallas għas-servizzi eċċellenti tiegħu, anzi kull meta kien ikun mistoqsi x’jafuh kien jgħid, ‘le xejn’. Aktar minnhekk, kien anke joħroġ minn butu l-ispejjeż tal-kawżi u min jaf kemm kien jieħu ikel lill-ħaddiema li kienu jkunu fuq strajk u jixtrilhom personalment fost affarijiet oħra, il-pastizzi.

Karmenu bħala mexxej

Deskritt bħala ikona tal-onestà, kien Karmenu Mifsud Bonnici li fis-snin 80 żamm il-Partit Laburista magħqud meta għamilha ta’ medjatur bejn Dom Mintoff u Lorry Sant minħabba l-kwistjoni li nqalgħet fuq l-iskejjel tal-Knisja; kien huwa li ġġieled b’kemm kellu saħħa flimkien mal-Kunsill tal-GWU u l-Partit Laburista biex ma tgħaddix liġi proposta mill-Gvern Nazzjonalista li tibgħat lill-ħaddiema l-ħabs jekk jipprotestaw; u kien huwa li mingħajr interessi personali jew ħlas dejjem ħadem qatigħ favur il-ħaddiem Malti, il-fqir u l-persuni fil-bżonn.

Magħżul bħala suċċessur minn Mintoff stess, Karmenu Mifsud Bonnici kien is-seba’ Prim Ministru ta’ Malta. Kien persuna eżemplari, onest, ta’ qalb tajba u affidabli u dawn il-karatteristiċi iddistingwewh minn kapijiet tal-Gvernijiet ta’ qablu, ta’ żmienu u anke minn dawk ta’ warajh. Huwa ħa dan ir-rwol proprju ftit żmien qabel kien imiss l-elezzjoni ġenerali tal-1987 li fiha l-Partit Laburista kien f’ġirja kontra l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Fenech Adami. 

Huwa kien ħa post f’Mintoff f’perjodu fejn f’Malta, jiġifieri fis-snin 80, il-furur politiku kien qawwi u ffaċċja sitwazzjonijiet xejn faċli bħala mexxej fosthom dimostrazzjoni li ma kellu ebda ħjiel tagħha quddiem l-uffiċċji tal-Kurja mill-ħaddiema tat-Tarzna, attakki bomba fi proprjetajiet statli u għases tal-Pulizija; riforma fl-iskejjel tal-Knisja taħraq u l-famuż attakk terroristiku tal-EgyptAir fl-1985 li sfortunatament kien irriżulta bħala l-aktar ħtif imdemmi li qatt seħħ fl-Istorja. 

Wara, fl-1988 meta kien għadu Kap tal-Partit Laburista, liema rwol żamm sal-1992, huwa kellu sehem kbir fl-imblokk tal-aircraft carrier tal-qawwa navali Ingliża “Ark Royal” u bastimenti oħra tal-gwerra, liema dħul kien ta’ theddida għan-newtralità ta’ Malta li hija mnaqqxa fil-kostituzzjoni tagħna. F’dan l-imblokk kienu ħarġu t-tanker “Copper Mountain” fil-bokka tal-port b’rispett għas-sovranita u għan-newtralità ta’ pajjiżna u għall-protezzjoni tal-poplu Malti minn gwerer.

Min kien Karmenu Mifsud Bonnici? 

  • Dott. Carmelo Mifsud Bonnici twieled f’Bormla nhar is-17 ta’ Lulju, 1933 u kien iben Dott. Lorenzo Mifsud Bonnici u Catherine neè Buttigieg;
  • Huwa attenda skola primarja tal-Gvern u wara daħal il-Lyceum;
  • Kompla l-edukazzjoni tiegħu meta daħal fl-Università u fl-1954 iggradwa bħala avukat;
  • Bejn l-1967 u l-1968 huwa għamel kors f’università f’Londra fuq it-Tassazzjoni u l-Liġi Industrijali;
  • Mill-1968 huwa kien lecturer fl-Università ta’ Malta fejn kien jgħallem il-Liġi Industrijali u dik Fiskali;
  • Tul il-perjodu li kien student huwa kien membru attiv tal-Catholic Social Guild u tal-Moviment tal-Ħaddiema Żgħażagħ Kristjani (Young Christian Workers’ Movement – YCWM) li fih għamilha ta’ konsulent legali wkoll;
  • Huwa kien membru tal-bord tal-edituri tal-gazzetta “Il-Ħaddiem” ippubblikata mill-YCWM;
  • Fl-1969 huwa kien appuntat bħala l-konsulent legali tal-General Workers’ Union (GWU) u r-rwol tiegħu kien importanti ħafna għall-ġlieda li l-GWU u l-Partit Laburista rebħu b’suċċess fil-kwistjoni tal-liġi tar-relazzjonijiet industrijali li biha l-PN ried li ħaddiema li jistrajkjaw jintefgħu l-ħabs;
  • Fid-29 ta’ Mejju 1980 il-Prim Ministru Dom Mintoff ippropona biex Karmenu Mifsud Bonnici jkun appuntat bħala deputat mexxej tal-Partit Laburista, proposta li kienet approvata b’mod unanimu fil-konferenza ġenerali tal-moviment Laburista;
  • Huwa kien responsabbli għall-kampanja elettorali tal-PL waqt l-elezzjonijiet ġenerali tal-1981 li kien rebaħ il-PL għat-tielet darba konsekuttiva;
  • Fil-15 ta’ Ottubru tal-1982 Karmenu Mifsud Bonnici kien co opted fil-Parlament wara r-riżenja tal-membru parlamentari Laburista Paul Xuereb u nħatar bħala l-Ministru tax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali;
  • Fil-5 ta’ Settembru tal-1983 huwa ġie appuntat bħala d-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Edukazzjoni. Fir-rwol ta’ Ministru tal-Edukazzjoni Karmenu Mifsud Bonnici kien involut ħafna fil-kwistjoni bejn il-Gvern u l-Knisja fuq l-introduzzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni bla ħlas għal kulħadd;
  • Huwa kien ħa l-ġurament bħala Prim Ministru ta’ Malta nhar it-22 ta’ Diċembru 1984 wara li Mintoff ħabbar ir-riżenja tiegħu fl-istess jum fil-Parlament;
  • Bħala Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici kien responsabbli għaċ-Ċittadinanza, l-Istabbilimenti, l-Uffiċċju Elettorali, l-Esplorazzjoni taż-Żejt, it-Telegrafija bla Fili, ix-Xandir, l-Avjazzjoni Ċivili, Portijiet u Ġarr tal-Merkanzija;
  • Bħala Ministru tal-Intern huwa kien responsabbli għall-Forzi Armati, il-Pulizija, is-Sezzjoni tas-Sigurtà fl-Ajruport, l-Immigrazzjoni u l-Ħabs;
  • Bħala Ministru tal-Edukazzjoni huwa kien responsabbli għall-Edukazzjoni, il-Libreriji Pubbliċi, ix-Xandir Malta, id-Diviżjoni tal-Informazzjoni u Għawdex;
  • Dott. Karmenu Mifsud Bonnici kien għażeb, ħu żewġt ibniet u tliet subien li wieħed minnhom huwa membru parlamentari nazzjonalista u ieħor arċipriet;
  • Il-passatemp favorit tiegħu kien il-qari.
Ekonomija

Sport