Monday, May 13, 2024

L-attività ekonomika kibret b’pass mgħaġġel fit-tieni kwart tas-sena

Analiżi tal-Bank Ċentrali

Aqra wkoll

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika r-raba’ ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2022. Din l-edizzjoni tanalizza fid-dettall l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul it-tieni kwart tal-2022.

L‑attività ekonomika aċċellerat matul it-tieni kwart tas-sena, hekk kif il-Prodott Domestiku Gross (PDG) reali żdied bi 8.9% fuq bażi annwali, wara żieda ta’ 8.1% fil-kwart ta’ qabel. Tkabbir aktar mgħaġġel kien sostnut minn żieda fil-kontribut tal-esportazzjoni netta, li issa hija konformi ma’ dik tad-domanda domestika.

Il-produzzjoni potenzjali kibret b’ritmu marġinalment aktar mgħaġġel. Ir-rata ta’ tkabbir kienet ta’ 5.1% fit-tieni kwart tal-2022, żieda minn 5.0% fil-kwart ta’ qabel. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet pożittiva u żdiedet, u dan jindika żieda fil‑livell ta’ użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija. Dan jirrifletti rkupru qawwi fl-attività fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u xkiel ieħor fil-provvista tal-prodotti.

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju niżel u kien eqreb tal-medja storika tiegħu. Dan jindika aktar normalizzazzjoni fir-ritmu tal-attività ekonomika meta mqabbel mar-rati għoljin irreġistrati fl-ewwel nofs tal-2021. 

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea niżel bi ftit mil-livell irreġistrat fl-ewwel kwart tas-sena, iżda baqa’ ogħla mill-medja storika tiegħu u qabeż bi ftit il-livell irreġistrat eżatt qabel il-pandemija.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Il-livelli tal-impjiegi u r-rati ta’ impjieg żdiedu f’termini annwali. Sadattant, fil-livell ta’ 2.9%, ir-rata tal‑qgħad baqgħet l-istess bħal dik irreġistrata fil-kwart ta’ qabel, u ferm taħt ir-rata ta’ 3.4% rreġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad f’Malta kienet ukoll taħt ir-rata medja ta’ 6.6% għaż-żona tal-euro.

Iż-żieda fil-prezzijiet kompliet taċċellera matul it-tieni kwart tas-sena. L-inflazzjoni annwali, kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, kienet 6.1% f’Ġunju, żieda mir-rata ta’ 4.5% rreġistrata f’Marzu. Żieda fl-inflazzjoni fis-servizzi kienet l-istimolu ewlieni taż-żieda fl-inflazzjoni minn Marzu ’l hawn, għalkemm il-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija rreġistraw ukoll żieda aktar mgħaġġla. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f’Malta, telgħet minn 4.4% f’Marzu għal 6.2% f’Ġunju.

Matul it-tieni kwart tal-2022, id-defiċit tal-gvern ġenerali naqas meta mqabbel ma’ dak irreġistrat fl-istess perjodu tal-2021. Meta mkejjel fuq bażi ta’ moving sum fuq erba’ trimestri, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra defiċit ta’ 6.9% tal-PDG, taħt ir-rata ta’ 7.8% rreġistrata fl-ewwel kwart tal-2022. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG naqas minn 57.4% għal 55.1% fl-aħħar ta’ Ġunju 2022. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG tjieb fil-kwart kopert.

Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il‑Kunsill Governattiv żamm ir‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE kif kienu matul it‑tieni kwart tal‑2022. Madankollu, f’Ġunju, il-Kunsill ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax f’Lulju.

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jtemm ix-xiri nett ta’ assi taħt il-Programm ta’ Xiri ta’ Assi mill-1 ta’ Lulju 2022. Fl-istess xahar, il-Kunsill iddeċieda li ser japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġi ppreservat it-tħaddim tal-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, il-Kunsill qabel li jaċċellera t-tlestija tat-tfassil ta’ strument ġdid kontra l-frammentazzjoni. Il-Kunsill Governattiv aċċenna wkoll l-intenzjoni tiegħu li jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas sal-aħħar tal-2024.

F’Lulju, il-Kunsill Governattiv għolla r-rati ewlenin tal-imgħax b’50 punt bażi. Il-Kunsill approva wkoll Strument ġdid għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni. F’Settembru u Ottubru l-Kunsill Governattiv ħabbar ukoll żewġ żidiet fir-rati ta’ 75 punt bażi, żieda li għolliet ir-rati tal-imgħax tal-BĊE b’200 punt bażi kumulattiv. Il-Kunsill indika wkoll li kien qed jistenna aktar żidiet f’dawn ir-rati fil-ġejjieni.

F’Ottubru, il-Kunsill bidel ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TLTRO-III mit-23 ta’ Novembru 2022, biex isiru aktar konsistenti mal-proċess usa’ tan-normalizzazzjoni tal-politika monetarja, u biex tissaħħaħ it-trażmissjoni taż-żidiet fir-rati tal-politika monetarja għall-kundizzjonijiet tas-self bankarju. Stabbilixxa wkoll ir-remunerazzjoni fuq ir-riżervi minimi tal-banek miżmuma mal-Eurosistema bir-rata fuq il-faċilità tad-depożitu, biex b’hekk din ir-remunerazzjoni tinġieb eqreb lejn il-kundizzjonijiet tas-suq monetarju. 

Minbarra l‑analiżi ekonomika regolari, ir-Rivista tanalizza wkoll l‑indiċi l‑ġdid li l-Bank qed iħaddem biex jistma t-tkabbir fil‑prezzijiet tad‑djar miġbura minn sorsi onlajn u tipparagunah ma’ dak ibbażat fuq media stampata. Ir-Rivista tippreżenta wkoll ir‑riżultati ta’ studju dwar it-tendenzi u l‑fatturi li jinfluwenzaw id‑domanda eċċessiva għall‑karti tal‑flus f’Malta minn perspettiva tal‑Eurosistema u ta’ bejn il‑pajjiżi. Minbarra dan, ir-Rivista tagħti ħarsa lejn it-tranżazzjonijiet fit-terminals fil-punt tal-bejgħ f’Malta bejn l-2017 u l-2021. Fl-aħħar nett, ir-Rivista tippreżenta artiklu li jevalwa x-xejriet u l-iżviluppi ewlenin fis-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bl-użu ta’ sorsi differenti ta’ data.

Sport