Tuesday, April 30, 2024

Iċ-ċimiterju tal-annimali domestiċi mistenni jibda jopera fl-2023

Kisbiet ta’ kwota akbar għas-sajd tat-tonn biex aktar żgħażagħ jidħlu għal dan il-mistier

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-suġġett tal-ħarsien tal-annimali bdejt naħdem fuqu f’dawn l-aħħar seba’ xhur, konxja li hemm numru ta’ sfidi iżda li hu żgur huwa li għandna l-enerġija biex naħdmu biex intejbu anke dan il-qasam.” Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said waqt l-estimi tal-budget għal dan is-settur. Hija kompliet biex titkellem dwar il-ħidma sfieqa tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-annimali li bejn l-2021 u l-2022  salvaw 1,237 kelb u mat-3,365 qattus li żewġ terzi minnhom ġie assigurat li jiġu addotati. Barra minn hekk saru madwar 850 spezzjoni ta’ infurzar.

Tiswija ta’ qtates bla ħlas

Bugeja Said ħabbret li għaddejjin bl-aħħar preparamenti biex tibda kampanja ta’ tiswija tal-qtates bla ħlas biex tiġi kontrollata l-popolazzjoni tagħhom. Spjegat li għaddejjin diskussjonijiet ma’ NGO internazzjonali biex dawn eventwalment jiġu f’pajjiżna u jimplimentaw din il-kampanja li tkun waħda estensiva u fit-tul.

Iċ-ċimiterju tal-annimali domestiċi

Rigward iċ-ċimiterju tal-annimali domestiċi, hija kkonfermat li x-xogħol f’Ta’ Qali miexi sew u li dan mistenni jibda jopera mis-sena li ġejja. Hija fakkret li kif tħabbar fl-aħħar ġimgħat, qed jiġi finalizzat ukoll il-proċess biex jiġi introdott qafas legali ġdid għal persuni li jnisslu u jindukraw l-annimali domestiċi biex anke jkunu regolati l-attivitajiet tal-pet groomers u l-pet sitters. Dan il-qafas legali se jkun qiegħed joffri diversi benefiċċji fosthom reġistrazzjoni li taċċerta li x-xogħlijiet ikunu qed isiru minn persuni kwalifikati fil-qasam. Barra minn hekk se jkun żgurat li jkun hawn traċċibbiltà fejn jidħlu l-liċenzji ta’ dawn il-persuni.

Aktar għajnuna lis-santwarji

Se tkun qiegħed jiġi estiż għal sena oħra wkoll il-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali biex diversi santwarji u għaqdiet volontarji lokali jingħataw is-sostenn li għandhom bżonn. Dawn il-fondi ser jappoġġjaw kemm l-operat ta’ kuljum, kif ukoll id-diversi proġetti infrastrutturali ġodda li huma ppjanati. Ftit tal-ġimgħat ilu tqassmu l fuq minn €118,000 lis-santwarji differenti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu diversi investimenti sabiex jikkuraw u jindukraw annimali abbandunati. 

Rigward il-bdiewa, ir-raħħal u s-sajjieda u l-prodotti tagħhom, Bugeja Said qalet li l-budget preżentat jinkludi tnedija ta’ kampanja ta’ tagħrif għall-pubbliku dwar il-varjetà ta’ ikel u prodotti li joriġinaw mill-art u l-ibħra tagħna u l-importanza li nirrikonoxxu s-sostenibbiltà ta’ dietà lokali.

Sostniet li l-oppożizzjoni faċli tmur fil-parlament u tissuġerixxi pariri, iżda biex verament jifhmu r-realtajiet ta’ dawn in-nies, jeħtiep li jduqu mill-qrib dak li toffri l-ħajja tagħhom. 

Sussidju fuq il-fjuwils

Fejn jidħol is-Sajd, is-Segretarju Parlamentari rribattiet argumenti min-naħa tal-Oppożizzjoni fejn intqal li s-settur huwa minsi. Stiednet lill-membri tan-naħa tal-Oppożizzjoni biex jitkellmu mas-sajjieda dwar iż-żminijiet fejn kienu jogħlew il-fjuwils u d-differenza li sabu f’dan il-gvern li f’perjodu iebes alloka €700,000 fi skema ta’ għajnuna għal din il-problema. Din l-iskema mhux biss taffiet l-ispejjeż, iżda l-gvern qiegħed jara li jerġa’ jestendiha għas-sena li ġejja u għalhekk ġie dedikati €1 miljun ieħor għal dan il-għan.

Kisba ta’ kwota akbar tat-tonn li tinkoraġizzi liż-żgħażagħ

Tkellmet ukoll dwar il-kwota tat-tonn u kif għat-tieni sena konsekuttiva pajjiżna talab lill-Unjoni Ewropea biex tagħtina biżżejjed kwota biex l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ li jgħixu minn din is-sengħa jiżdiedu. Spjegat li fejn qabel kellna biss 63 sajjied liċenzjat, illum hawn ’il fuq minn 200 sajjied liċenzjat biex jaqbad din il-ħuta. Hija kompliet biex issostni li din il-kisba hija opportunità fuq platt għaż-żgħażagħ li jaspiraw li jibdew l-operat tagħhom f’dan il-mistier tant importanti.

“Faċli tikkummenta jew tikkritika mill-bank tal-Oppożizzjoni u fl-istess waqt tkun maqtugħ mir-realtajiet li verament għandhom quddiemhom in-nies f’dawn is-setturi”, tenniet Bugeja Said filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li qegħdin jibqgħu jissieltu kontra kull ostaklu biex isalvaw dan is-settur tant importanti.

Sport