Monday, May 13, 2024

Hockey: GREE Sliema Hotsticks jiksbu l-ewwel rebħa staġjonali kontra r-rivali Qormi

Aqra wkoll

GREE Sliema Hotsticks kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun bi stil wara li għelbu lil Qormi Daikin 3-2 fl-isbaħ logħba tal-istaġun miċ-Challenge Cup.

Din kienet partita bejn l-aqwa żewġ timijiet Maltin tal-hockey bi Sliema li kellhom xi jpattu wara li ħmistax qabel tilfu s-Super Cup għas-spejjeż tal-istess Qormi.

Din id-darba t-tim immexxi minn Andrew Monaghan ħareġ tajjeb u dejjem kien fil-vantaġġ għalkemm sab lill-Qriema motivati li jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Sliema fetħu bl-aqwa mod possibbli u marru minn fuq wara biss 30 sekonda permezz ta’ Ryan Dalli.

Qormi baqgħu kalmi u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Juan Sarcia wara azzjoni ta’ penalty corner.

Hekk kif it-tieni quarter ma pproduċa l-ebda gowl, fit-tielet quarter iż-żagħżugħ Christ Agius reġa’ poġġa lis-Slimiżi minn fuq sabiex rebħu t-tielet quarter.

Ir-raba’ quarter kien wieħed deċiżiv b’Qormi li ġabu l-iskor indaqs minn Kyle Micallef iżda bi Sliema li baqgħu jżommu l-aggressivita’ tagħhom u pront skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa minn Christ Agius li b’hekk wettaq doppjetta personali.

Qormi Daikin: Shamison Mifsud, Nathan Pace Gasan, Joseph Cuschieri, Clayton Gatt, Luke Bajada, Zachary de Giovanni, Ayrton Falzon, Steve Tanti, Aaron Spiteri, Juan Sarcia, Julian Zahra, Daniel Ellul, John Williams, Keith Calleja, Axel Cauchi, Kyle Micallef, Kurt Grixti, Luca Fsadni.

GREE Sliema Hotsticks: Emile Borg, Ryan Dalli, Luke Brincat, Jonathan Borg, Shaun Grima, Ryan George, Keith Scicluna, Gary Bonnici, Christian Sammut, Benjamin Johnson, Daniel Agius, Ludwig Cole, Alessandro Amore, Christ Agius, Charlo Sammut, Nathan Julian Cardona, Lukas Plaehn, Kurt Bonnici.

Umpires: Luke Busuttil Leaver, James Mizzi.

Sport