Thursday, December 26, 2024

Karozza jekk tinnamra mat-tifel

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“The Flash” u l-film animat tal-Pixar, “Elemenal” ġarrbu fjask fil-box office matul tmiem il-ġimgħa.

Għalkemm sar sforz kbir pubbliċitarji biex jikkonvinċi l-pubbliku li “The Flash” hu wieħed mill-aqwa films tas-super-eroj li nħadmu sa issa, dan kellu dħul ta’ $55 miljun fl-ewwel tliet ijiem mit-teatri Amerikani. Fis-78 pajjiż ieħor fejn ħareġ għall-wiri, id-dħul kien wieħed miżeru meta ammonta għal $75 miljun. Jekk mhux ser itejjeb id-dħul, “The Flash” ser ikun falliment ieħor għad-DC Comics bħal ma kien “Black Adam”.

“The Flash” tela’ fil-quċċata tal-box office Amerikana. It-tieni post hu okkupat bil-film animat “Elemental” b’dħul ta’ ftit anqas minn $30 miljun. Dan hu l-agħar bidu għall-film tal-Pixar, li għandu dħul ta’ $9 miljun anqas minn kif beda “The Good Dinosaur” li ħareġ fl-2015.

Fit-tliet postijiet l-oħra tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa, wieħed isib “Spider-Man: Across the Spider-Verse”, “Transformers: Rise of the Beasts” u fil-ħames post “The Little Mermaid”.

NO HARD FEELINGS

F’dan il-film komiku, Jennifer Lawrence għandha l-parti ta’ Maddie li ssib ruħha ta’ fuqha senduqa meta titlef il-karozza li kienet taħdem biha ma’ kumpanija li twassal in-nies. Fortunatament ma ddumx ma ssib xogħol ġdid b’offerta mhux tas-soltu.

Is-sidien sinjuri tal-kumpanija fejn tmur taħdem ikollhom ġuvni ta’ 19-il sena li jismu Percy (Andrew Barth Feldman). Hu wieħed li ma tantx juri interess li joħroġ ma’ mara. Il-ġenituri ikunu lesti li jagħtu lil Maddie Buick Regal jekk tkun is-sieħba ta’ binhom u tikkonvinċih iġib ruħu ta’ adult.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Gene Stupnitsky, il-film għandu mumenti tajba imma t-talenti ta’ Jennifer Lawrence huma kompletament moħlija f’din il-kummiedja. Wara li għaxar snin ilu rebħet Oscar għall-parti prinċipali li kellha f’“Silver Linings Playbook”, Jennifer Lawrence ġietha l-opportunità li taħdem fil-franchises ta’ “The Hunger Games” u “X-Men” Wara, il-karriera tagħha tidher li sejra lura.

“No Hard Feelings” hu kklassifikat 15 għax fih xeni ta’ sess, umoriżmu goff u kliem mhux xieraq.

Chevalier

Joseph Bologne hu Chevalier de Saint-Georges li għex fit-tieni nofs tas-seklu tmintax. Twieled fil-kolonja Franċiża ta’ Guadeloupe. Kien wild barra ż-żwieġ bejn wieħed miżżewweġ u sinjur, u mara skjava Senegaliża li kienet taħdem fir-raba’ li kellu s-sinjur.

Ta’ 7 sena, ittieħed Franza, fejn fost l-oħrajn beda jitgħallem idoqq, il-vjolin.
Tant saħħar nies bil-ħila straordinarja tiegħu kif idoqq il-vjolin li Marie Antoinette (Lucy Boynton) tatu t-title ta’ Chevalier.

Il-fama li beda jikseb ħolqitlu ukoll l-għedewwa fi żmien meta ġo Franza beda jberraq l-inkwiet politiku u soċjali. Minħabba żball oħxon, huwa tilef kollox.
Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Stephen Williams, fil-parti prinċipali naraw lil Kelvin Harrison Jr. Għandu 30 sena u jidher attur promittenti ħafna.

“Chevalier” hu kklassifikat 12A minħabba razziżmu, xeni moderati ta’ vjolenza, referenzi għas-sess u lingwaġġ iebes.

Asteroid City

Il-films tad-direttur Wes Anderson, bħal “The Grand Budapest Hotel” u “The French Dispatch”, huma immirati għal udjenza partikolari. Biss, l-udjenza li għandu hija leali ħafna. Dan deher ċar mill-atturi li jirnexxilu jattira biex jaħdmu miegħu.

In-narrattiva hi ambjentata fl-1955, f’belt fittizja fid-deżert fil-lbiċ tal-Amerika. Din il-belt tkun magħrufa għall-osservatorju u għall-ħofra kbira fl-art magħmula minn ħabta ta’ meteorita.

Il-fotografu armel Augie (Jason Schwartzman), iġib it-tfal miegħu f’dan il-post. Il-karozza tiġrilha l-ħsara, imma l-mekkanik (Matt Damon) ftit li xejn ikun jista’ jgħinu.

Augie iċempel lill-kunjatu Stanley (Tom Hanks), li ma tantx ikollu relazzjoni tajba miegħu. Jitolbu biex jiġi għalih u jsalvah, Scarlett Johansson għandha l-parti ta’ Midge. Din tkun attriċi ta’ Hollywood, b’tendenzi suwiċidali. Bejn Midge u Augie tibda relazzjoni romantika stramba.

Jidher ukoll Jeffrey Wright, f’parti satirika ta’ kmandant tal-militar li jgħalaq il-belt meta jitfaċċa aljen (Jeff Goldblum). Ix-xena tal-vettura spazjali hi parodija fuq “Close Encounters of the Third Kind”.

Ix-xjenzata Dr. Hickenlooper (Tilda Swinton) tkun determinata li ssib tarf tas-sigrieti kollha fuq l-univers. Steve Carrell hu l-manager tal-lukanda fejn dawn il-karattri kollha jkunu qed joqogħdu.

“Asteroid City” hu kklassifikat 12A minħabba referenza għal suwiċidju, xeni qosra ta’ nudiżmu u kliem mhux xieraq.

Ekonomija

Sport